Birkirkara bdew is-sena kalendarja 2023 bil-kbir hekk kif xejn ma tħabtu biex għelbu lil Zebbug Rangers bl-iskor kbir ta’ 5-0, fejn huma kienu diġá serrħu rashom mit-tliet punti sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kif kienu erba’ goals minn fuq.
L-Istripes fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fit-18-il minuta meta Enzo Daniel Cabrera serva fuq platt tal-fidda lil Alex Da Paixao Alves li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta, hekk kif il-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi, kien barra minn postu fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Fil-21 minuta Birkirkara rebħu penalty meta Gaetano Joseph Gesualdi waqqa’ lil Enzo Daniel Cabrera fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess Enzo Daniel Cabrera li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Jamie Azzoaprdi n-naha opposta.
Tliet minuti biss wara Birkirkara skorjaw it-tielet goal meta Enzo Daniel Cabrera avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali fi spazju ta’ tliet minuti.
Fit-28 minuta kompliet ix-xalata ta’ gowls minn Birkikrara, hekk kif għamluhom erbgħa permezz ta’ xutt angulat fil-baxx minn ġol-kaxxa tal-captain Cain Attard, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
L-Istripes issiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fil-70 minuta, meta Alex Da Paixo Alves għadda tajjeb lejn Paul Mbong li kellu x-xutt bid-dawra tiegħu minn ġol-kaxxa jegħleb għal kollox lil Jamie Azzopardi.
Il-partita kienet kontrollata minn Matthew De Gabriele bil-plejer tal-konfront jkun magħżul Alex Da Paixao Alves.
Ritratt: Birkirkara FC