Balzan FC bdew l-impenji tagħhom fl-ewwel rawnd tal-UEFA Ewropa Conference League b’rebħa komda ta’ 4 – 1 fuq NK Domzale ta’ Slovenja. It-tim immexxi minn Oliver Spiteri beda tajjeb ħafna tant li wara tmien minuti marru fil-vantaġġ grazzi għal gowl ta’ Aleksa Andrejic li rnexxilu jegħleb lill-goalkeeper Tratnik f’żewġ tentattivi.
Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima u Balzan jagħmluhom tnejn meta huma ingħataw penalty għal fawl ta’ Markus fuq Triston Caruana. Mill-11 il-metru Jake Grech ma falliex għal 2 – 0 sal-intervall.
Balzan baqaw għaddejin fuq lis-stess ritmu meta wara tmien minuti fit-tieni taqsima, korner ta’ Jake Grech u Peter Olawale għola fuq kulħadd u bir-ras xeħet fix-xibka għal 3 – 0. Lis-Sloveni naqsu d-distakk ftit qabel is-siegħa logħob meta huma wkoll ingħataw penalty li minnhu Franko Kovacevic ma’ żbaljax għal 3 – 1.
Il-partita dehret li ser tintemm b’dan ir-riżultat iżda fil-88 minuta NK Domzale spiċċaw jilgħabu b’10 plejers meta għalihom tkeċċa Zeni Husmani. Mat-tkeċċija Balzan żiedu r-ritmu tant li skorjaw r-raba u l-aħħar gowl grazzi għal Nikola Zerjal.
Balzan FC jilgħabu kontra NK Domzale fil-partita tar-ritorn nhar it-Tlieta li ġej fic-Centenary Stadium.