Dalgħodu l-Awtorita tal-Ippjanar laqgħet is-suġġeriment tas-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché, li f’isem il-Kunsill Lokali, talab li d-dawra ta’ Manoel Island ma tingħalaqx mill-kumpanija MIDI permezz ta’ grada.
Il-pjan oriġinali tal-kumpanija kien li l-perimetru tal-gżira Manoel tiddawwar bi grada, kif muri fir-ritratt, u li b’konsegwenza ta’ hekk kien ifisser li l-aċċess għad-dawra tal-kosta kien jixxekkel. Dan b’ detriment partikolari għall-persuni b’ aċċessibilita ristretta, bħall-anżjani, familji bit-tfal u persuni b’ diżabilita. Wara pressjoni li saret il-MIDI wkoll aċċettat li dwar dan tilħaq kompromess.
“L-isforzi tal-Kunsill u tas-soċjeta ċivili fl-aħħar xhur biex l-aċċess għall-kosta minn Manoel Island jingħata kien ta’ suċċess u għalhekk kieku dan il-pjan tal-MIDI issokta, minflok intejbu s-sitwazzjoni ta’ dawk kollha li jixtiequ jgawdu din il-ġawra, konna nagħmlu pass lura,” qal is-Sindku Borg Manché.
Is-Sindku qal li l-ġlieda ma kinitx biss biex il-familji jkunu jistgħu igawdu parti limitata mix-xatt tal-baħar tal-Gżira fix-xhur Sajfin. “Iżda rridu nżommu f’ moħħna lil kullħadd. Per eżempju, għall-anżjani li għandhom l-iżvog tas-sajd, dan il- fence, kien se jagħmilha prattikament impossibli biex ikollhom aċċess għan-namra tagħhom. Kull Malti għandu d-dritt għall-aċċess tal-kosta tal-baħar tagħna, irrispettivament jekk hux qiegħed fil-minoranza. Huwa d-dover tagħna li nkunu l-leħen tal-poplu” sostna s-Sindku Borg Manché.
Borg Manche fisser kif il-fence kien se jagħti wieħed biss ta’ Manoel Island. “Meta wieħed iżomm f’ moħħu li d-dawra tal-kosta hija twila madwar kilometru, ikun ta’ inkonvenjent jekk mhux t’ ostaklu ewlieni speċjalment fix-xhur Sajfin, għal min irid jesplora partijiet oħra tax-xatt,” kompla jkun spjegat.
Iktar minn hekk il-fence kien se jgħatti l-fortizza, li saħansitra kien se jidher min-naħa l-oħra tal-Port, iġifieri mill-Belt Valletta.
“Għal dawn ir-raġunijiet fuq imsemmija, il-Kunsill ma seta’ jaċċetta qatt din il-proposta,” temm jgħid is-Sindku li fuq din il-kwistjoni sab il-koperazzjoni tal-MIDI, li dwar din il-kwistjoni partikolar semgħet l-oġġezzjonijiet tal-kunsill u biddlet fhemtha.