It-tieni tellieqa tal-Kampjonat Garmin BSJ Open Water saret nhar l-Erbgħa fis-Salina. Ħamsa u sebgħin għawwiem ħadu sehem u nqasmu fi tliet gruppi bbażati fuq ir-riżultat tat-tellieqa ta’ qabel.
It-tellieqa ta’ żewġ kilometri kienet imqassma fuq korsa trijangulari li tikkonsisti f’żewġ dawriet fil-bajja tas-Salina.
It-tellieqa tal-irġiel kienet dwell bejn l-għawwiema ta’ taħt is-17 Andre Camilleri u Thomas Woods li mill-bidu nett ħadu r-riedni f’idejhom. Camilleri u Woods kienu pjuttost ras imb’ras matul it-tellieqa imma spinta minn Woods lejn it-tmiem ragħtu jirbaħ l-ewwel tellieqa tiegħu b’erba’ sekondi vantaġġ fuq Camilleri. Iż-żewġ għawwiema taw prestazzjoni mill-aqwa bit-tnejn li huma rreġistraw titjib fuq il-ħin tal-ġimgħa ta’ qabel.
Fit-tielet post spiċċa Stefano Debono Grech.
Sarah Demicoli kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha, billi rreġistrat titjib ta’ ħames sekondi mill-ħin tal-ġimgħa li għaddiet. Demicoli kienet segwita minn Kelsey Borg, li dehret għall-ewwel darba fuq il-podju tal-Kampjonat, filwaqt li Martina Micallef, spiċċat fit-tielet post. Hija wkoll irreġistrat titjib fil-ħin tagħha.
Fost l-għawwiema, kien hemm iż-żagħżugħ Jake Vella li għamel apparenza fit-tellieqa wara stint fl-isptar.
Il-Midalji ġew ippreżentati minn Mark Gaglione – li jirrappreżenta lil Medcomms Ltd – aġenti esklussivi ta’ Garmin bħala sponsers ewlenin tat-tellieqa u Robert Vella, li rrappreżenta lil proteinmalta.com li appoġġjaw il-kampjonati.