L-eks President Amerikan Donald Trump irnexxielu jikseb rebħa konvinċenti ta’ 51% f’lowa f’elezzjoni preliminari għall-kandidatura Presidenzjali tal-Partit Repubblikan, hekk kif irnexxielu jġib l-appoġġ ta’ aktar mid-doppju taż-żewġ rivali tiegħu.
Din hi parti mill-ewwel pass qabel jintagħżel il-kandidat Repubblikan għall-elezzjoni li trid issir f’Novembru li ġej u din ir-rebħa tkompli tpoġġih bħala l-favorit, minkejja l-akkużi kriminali li qed jiffaċċja quddiem il-qrati.
Il-Gvernatur tal-istat ta’ Florida, Ron DeSantis, u l-eks Ambaxxatriċi Nikki Haley, kienu qed jittamaw għal riżultat rispettabbli biex jippożizzjonaw lilhom infushom aħjar bħala sfidanti kredibbli.
Minkejja dan, it-tnejn li huma kienu ferm wara Trump fl-appoġġ bi kważi 22% u 19% tal-voti rispettivament.
F’diskors wara l-votazzjoni fost il-membri tal-Partit Repubblika, Trump irringrazzja lil dawk kollha li appoġġjawh u poġġewh bħala l-favorit għall-kandidatura Repubblikana, waqt li ta deskrizzjoni komprensiva tal-pjani tiegħu li kieku kellu jerġa’ jsir President tal-Istati Uniti.
Fost l-oħrajn, semma li jkompli b’dak li kien beda tul il-Presidenza tiegħu jiġifieri t-trażżin tal-immigranti mill-fruntieri mal-Messiku. Hu wiegħed ukoll li jsolvi il-gwerer bejn Iżrael u l-Hamas u dik bejn ir-Russja u l-Ukranja.