“Meta kont l-iskola, kont niġi bullied minħabba l-piż tiegħi. Dak li ħsibt li kien impossibbli sar ir-rutina tiegħi ta’ kuljum.”
Dan kien kliem Nicolai Baldacchino, żagħżugħ li kien jiżen aktar minn 140 kilo. Huwa għamel dan il-filmat bl-għan li jwassal il-messaġġ tiegħu u jagħmel kuraġġ lil dawk li bħalissa għaddejjin minn dak li għadda minnu hu. Huwa stqarr ma’ ONE.COM.MT, li sa sentejn ilu ma setgħax jimmaġina li se jirnexxielu jnaqqas il-piż u saħansitra jikkompeti f’maratoni ta’ ġiri.
Huwa fisser kif il-bullying fl-iskola waslu biex ma jibqax jemmen fih innifsu u kien biss meta sab l-għajnuna mill-familja u l-ħbieb li rnexxielu jbiddel ħajtu. Meta wieħed jgħid li dan iż-żagħżugħ biddel ħajtu, mhux biss qed nirreferu għall-apparenza tiegħu iżda anke għal saħtu.
Nicolai spjega li mhux dejjem faċli li żżomm mad-dieta u li ta’ kuljum tagħmel eżerċizzju fiżiku, iżda jeħtieġ li jkollok il-perseveranza u tibqa’ għaddej u ma tħalliex il-kummenti tan-nies jaffetwawk.
Il-messaġġ importanti ta’ dan iż-żagħżugħ tista’ tisimgħu f’dan il-filmat.
https://vimeo.com/196430172