Il-kowċ Olandiż ta’ 71 sena Louis van Gaal iħares lejn l-edizzjoni ta’ din it-Tazza tad-Dinja bħala rigal. Van Gaal qed imexxi lit-tim nazzjonali Olandiż għat-tielet darba u għat-tieni darba fit-Tazza tad-Dinja. Dan wara li kellu jissielet u ħareġ rebbieħ kontra l-kanċer fil-prostata. Huwa żamm fil-moħbi l-kundizzjoni ta’ saħħtu. Fil-fatt kien imexxi s-sessjonijiet tat-taħriġ b’catheter fl-istonku u borża għall-urina mdendla ma’ saqajh fil-qalziet, bla ma ħadd ma kien induna. Meta jlesti kien imur biex jieħu t-trattament tal-kimoterapija.
Ħafna jħarsu lejh bħala arroganti, imma għandu kwalitajiet mill-aqwa fit-tmexxija u kif janalizza l-logħba. Kowċ li għandu mentalità rebbieħa meta jgħid li hu qiegħed fid-dinja biex jikseb suċċess fil-futbol. Fil-karriera tiegħu huwa mexxa wkoll lil AZ Alkmaar, Ajax, Barcelona, Bayern Munich u Manchester United.
Il-kuntratt ta’ Van Gaal minn meta ħa t-tmexxija tat-tim nazzjonali Olandiż fl-2021, kien jinkludi din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Il-futur tiegħu għadu mhux ċert, imma wara dak kollu li għadda minnhu minn April li għadda, hemm ċans kbir li jitħalla fit-tmexxija tal-Oranje, wara din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Ritratt: Getty Images