Glenn Micallef se jkun Kummissarju Ewropew responsabbli, fost oħrajn, miż-żgħażagħ. Kien hemm bosta reazzjonijiet pożittivi b’rabta mal-grilling tan-nominat Malti, li sar it-Tnejn waranofsinhar fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Fost dawk, li rreaġixxew b’mod pożittiv għal dan, kien hemm it-tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Laburista.
Id-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba sostna li Micallef għandu viżjoni li kienet aċċettabbli għall-ħames Kumitati tal-Parlament Ewropew, li pparteċipaw f’din is-seduta tas-smigħ.
“Turi u ġġib fix-xejn lil min ipprova jikkritika lil Glenn bħala persuna żagħżugħa, li m’għandhiex esperjenza eżekuttiva. Glenn wera li se jkun Kummissarju żagħżugħ responsabbli miż-żgħażagħ u kapaċi, fl-aħħar mill-aħħar, jagħti t-tweġibiet, għandu viżjoni.”
Alex Agius Saliba
L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard ukoll sostna kif in-nominat Malti kellu prestazzjoni tajba ħafna quddiem il-mistoqsijiet li sarulu.
“Prestazzjoni mill-aqwa, li tagħmilna kburin li aħna Maltin hawnhekk aħna fil-Parlament Ewropew. Kburin bi Glenn li, b’kunfidenza, li issa se jkun il-Kummissarju Ewropew li jmiss, wara l-ħidma tajba ħafna li wettqet Helena Dalli.”
Daniel Attard
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Thomas Bajada sostna li Micallef se jġib miegħu perspettivi żagħżugħa.
“Aħna naħseb drajna li naraw politika min-nies li huma ta’ esperjenza twila, ta’ esperjenza vasta u ta’ età akbar. Illum qegħdin naraw Kummissarju Malti, li se jkun qed idaħħal il-perspettiva taż-żgħażagħ u li nixtieq mingħand Glenn hu li ejja ħa nagħmlu politika, li mhux tħares biss lejn il-preżent u l-passat, imma ejja nagħmlu politika li tħares lejn il-futur.”
Thomas Bajada