Reazzjonijiet pożittivi ferm għall-Politika ġdida li ħabbar il-Gvern dwar id-Droga, fosthom minn għaqdiet indipendenti li ta’ kuljum jaħdmu qatigħ ma’ nies bil-vizzju tad-droga.
Fost dawn hemm id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, li f’kumment ma’ ONE News innota l-enfasi li hemm fid-dokument dwar is-saħħa mentali.
“Din kienet mistennija ħafna. Qed nieħdu gost li wasalna għal dan il-pass li bħala pajjiż ikun hemm direzzjoni. Ovvjament, hemm affarijiet li aħna nissapportjaw mija fil-mija, bħat-tisħiħ tas-servizzi f’Mount Carmel. Aħna f’Malta diġà għandna firxa qawwija ta’ servizzi għall-persuni bil-problemi tad-droga u li huma b’saħħithom ħafna, imma t-tisħiħ tas-servizzi f’Mount Carmel huwa xi ħaġa li nixtiequ narawha u qiegħda mniżżla.”
Anthony Gatt
Id-direttur tal-Caritas iddeskriva bħala pass kuraġġuż il-proposta tal-ittestjar għall-għarrieda għad-droga fuq xufiera u li għandu jkun hemm tolleranza żero.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Oasi, Noel Xerri , filwaqt li wkoll semma bi prominenza l-proposta tal-ittestjar, għamel referenza għall-aspetti tal-prevenzjoni biex dawk li jixtiequ jesperjenzaw id-droga ma jagħmlux dan, għax il-konsegwenzi huma koroh.
“Hija xi ħaġa li ġiet fi żmien opportun, meta għandek tibdil fil-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn l-użu tas-sustanzi, meta għandek soċjetà li tinnormalizza l-użu tad-drogi. Naħseb jien din il-policy u l-punti li fiha qed jippruvaw jindirizzaw l-aspetti li s-soċjetà tagħna qed taffaċċja b’mod partikolari l-ittestjar tad-droga li għandhom bżonn isiru u anke sabiex nissalvagwardjaw il-persuni li qed jużaw it-triq.”
Noel Xerri