L-editorjal tal-ġurnal The Times faħħar ir-reviżjoni fil-policy tal-pompi tal-fjuwil li ħabbar il-Gvern ftit tal-jiem ilu.
Id-dokument imsejjes fuq għaxar bidliet prinċipali jitkellem dwar limitu massimu ta’ numru ta’ pompi tal-fjuwil f’Malta u f’Għawdex filwaqt li l-pompi mhux se jkunu akbar minn elf metru kwadru.
Fil-fatt id-daqs tal-massimu tal-pompi se jitnaqqas b’elfejn metru kwadru hekk kif oriġinarjament, il-massimu kien jitla’ għal tliet t’elef metru kwadru
Il-policy il-ġdida tgħid ukoll li l-pompi eżistenti u li qed joħolqu impatt negattiv fuq l-ambjent biss jistgħu jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.
L-editorjal tal-ġurnal sostna li din il-policy ġdida involviet deċiżjonijet għaqlin li se jwaqqfu l-abbuż.
Fost dawn, l-editorjal semma wkoll kif kruċjali f’din ir-reviżjoni kienet ukoll id-deċiżjoni li din l-istess reviżjoni tkopri l-applikazzjonijiet pendenti kollha li hemm sa issa.
L-editorjal kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-Gvern u l-Ministru Aaron Farrugia li fl-ewwel jiem tiegħu bħala Ministru għall-Ambjent qed iwettaq il-bidliet ambjentali meħtieġa. Bidliet li jixhdu l-bilanċ li wiegħed il-Gvern bejn l-iżvilupp u l-ambjent.