L-għada li l-Gvern ħabbar programm ta’ inċentivi finanzjarji għas-settur turistiku, bosta assoċjazzjonijiet laqgħu din l-għajnuna biex din il-magna ekonomika terġa tibda’ tirranka.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti, Tony Zahra sostna li dawn il-miżuri, li ddeskrivihom bħala kruċjali għall-irkupru tas-settur, huma riżultat ta’ diversi diskussjonijiet bejn is-settur privat u l-Gvern.
Qal, “Il-miżuri huma biex jistartjaw il-magni biex nerġgħu nibdew nieħdu r-rotta għal fejn konna qabel. Nispera li dawn il-miżuri jkollhom effett tajjeb u nispera li f’Ġunju jekk mhux f’Lulju nerġgħu nibdew naraw it-turisti f’Malta.”
Id-Deputat President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, Philip Fenech, li jirrapreżenta wkoll is-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità, sostna li t-turiżmu f’pajjiżna kien wieqaf kompletament tul din l-aħħar sena, iżda l-miżuri tal-Gvern, fosthom il-Covid Wage Supplement, għenu lil bosta negozji biex ma jagħlqux il-bibien tagħhom.
Huwa spjega kif ir-rata għolja ta’ tilqim f’pajjiżna, tagħmel tajjeb biex ikollna pjan ta’ turiżmu sostenibbli.
Spjega, “Safeguards għandhom ikunu hemm u għalhekk il-kwistjoni tal-Green Passports se jkunu hemm ukoll bħala prekawzjoni għat-turist li jiġi għax aħna li ma rridux li wara das-sagrifiċju kollu li għamel il-pajjiż, mhux kif jiġu t-turisti jerġgħu jikkontaminawna t-turisti u nerġgħu bil-figuri.”
L-Assoċjazzjoni Turistika ta’ Għawdex rat din l-aħbar bħala raġġ ta’ dawl fi triq twila u mudlama li ilha għaddejja għal din l-aħħar sena.
Qal, “Huwa pjan li huwa bbażat fuq ħames passi li nemmen li għandna nilħquhom u li permezz tagħhom żgur li nerġgħu noħorġu minn din is-sitwazzjoni diffiċli għas-settur turistiku.”