Jum wara li l-Gvern ħabbar li l-Covid Wage Supplement se jiġi estiż sa Ġunju u li saħansitra ser jingħata b’mod sħiħ sa Diċembru lil dawk l-aktar milquta mill-pandemija, kienu bosta assoċjazzjonijiet, għaqdiet u msieħba soċjali minn tessuti differenti tas-soċjetà, li faħħru din l-għajnuna.
Il-Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb faħħret din il-miżura li se tkompli tagħti aktar viżibilità u ċertezza lin-negozji f’dan iż-żmien ta’ pandemija.
Hija qalet, “Naħseb importanti ħafna li ninnutaw li dan il-messaġġ qed jasal mhux lejliet imma bil-quddiem u naħseb din tgħin ħafna biex in-negozji jkunu jistgħu jippjanaw u tonqos l-inċertezza f’sitwazzjoni li hija mimlija inċertezza fin-natura, jiġifieri napprezzaw ħafna li l-Gvern qed jagħti din il-foresight lill-businesses ta’ kif ħa jkun is-sapport fix-xhur li ġejjin.”
Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji sostniet ukoll li l-inċentivi li se jkun qed jagħti l-Gvern aktar ’il quddiem biex in-negozji jkomplu jirriġeneraw ruħhom se tgħinhom aktar f’dan iż-żmien ta’ sfida fejn jistgħu jagħmlu l-preparamenti neċessarji.
Hija stqarret: “Dawn ħa jkunu qed jikkumplimentaw b’mod tajjeb l-iskemi eżistenti u anke bħalissa l-businesses barra s-sostenn tal-Gvern li sfortunatament huwa neċessarju bħalissa, il-business irid jippjana u jrid ix-xogħol jiġifieri dawn ħa jkunu kumplimentari jagħtu l-għajnuna neċessarja f’dak l-aspett ukoll.”
Howard Keith Debono, il-President tal-Assoċjazzjoni għall-industrija tal-ispettaklu u l-arti, spjega li l-Gvern qed ikompli juri biċ-ċar l-impenn tiegħu li jgħin lil dawk is-setturi l-aktar milquta.
Debono sostna: “Dak li ngħad ilbieraħ fil-konferenza stampa wera biċ-ċar il-commitment tal-Gvern li jgħin lil dawk is-setturi l-aktar milquta. Fil-każ tagħna l-Arti u d-Divertiment huma wieħed mill-aktar setturi l-aktar milquta kif nafu u hemm commitment mill-Gvern li ħa narawha sal-aħħar tas-sena jiġifieri dan aħna nirrikonoxxuh u kuntenti ħafna għal dan il-commitment li nifhmu li mhux faċli.”
Intant, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Moda Maltija, Adrian Mizzi, faħħar il-miżura tal-Covid Wage Supplement hekk kif issa din il-miżura ser tagħti serħan il-moħħ, lil dawk l-aktar milquta sa Diċembru li ġej.
Mizzi qal,”Kumment mill-industrija tagħna li hija industrija staġonali ħafna, iddum biex tirkupra, dik li ġiet estiża sal-aħħar tas-sena għal min intlaqat vera ħażin, dik hija xi ħaġa li ma tistax tkun iktar pożittiva milli hija.”