Imsieħba soċjali fil-qasam turistiku sostnew is-sodisfazzjon tagħhom għall-aħħar ċifri ppubblikati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, li juru li l-ewwel kwart ta’ din is-sena kien l-aqwa kwart fl-istorja għat-turiżmu f’pajjiżna.
Proprju wara li, it-Tnejn, intemmet il-konferenza tal-aħbarijiet f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, ONE News tkellem ma’ Tony Zahra, li huwa l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti.
Huwa rreaġixxa b’mod pożittiv għal din l-aħbar filwaqt li rrimarka dwar il-bżonn li jinżamm dan ir-ritmu għall-bqija tas-sena.
Toni Zahra qal “L-2019 hija s-sena li aħna nżommu f’moħħna għaliex kienet l-aqwa sena f’dawk li huma arrivals. Aħna qed naraw li l-arrivals għal din is-sena se jkomplu f’din ir-rotta. L-advance bookings huma tajbin ħafna u naħseb li għandna ċans ngħaddu l-2019 fl-arrivals ukoll.”
Intant, tkellem ma’ ONE News ukoll Joe Muscat, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu.
Joe Muscat qal “Nisperaw li din iż-żieda li kellna fl-ewwel 3 xhur tkompli tirrepeti ruħha u tirreplika ruħha fix-xhur li ġejjin ta’ din is-sena. Dan huwa awgurju tajjeb għal din l-industrija tant importanti, b’mod speċjali għall-gżira Għawdxija.
Iċ-ċifri tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wrew li fl-ewwel kwart tas-sena waslu f’pajjiżna 443,191 turist: żieda ta’ 4.1 fil-mija meta wieħed iqabbel mal-2019.
Ħareġ ukoll li f’dan l-istess perjodu ġiet irreġistrata l-akbar nefqa mit-turisti fl-istorja kif ukoll l-akbar numru ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna.