Il-fatt li Jason Azzopardi baqa’ l-art u ma telax fil-Parlament, anki wara l-elezzjoni każwali, qajjem reazzjonijiet imħalta u anki kompliet toħroġ il-firda fil-Partit Nazzjonalista.
Fost dawk li kitbu dwar din kien hemm l-eks kunsillier tal-Partit Nazzjonalista ġewwa Ħal Balzan, André Grech.
Fuq Facebook, l-eks kunsillier Nazzjonalista viċin l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia ppubblika ritratt tal-qabar ta’ Kristu.
Hawnhekk André Grech fakkar meta mart Jason Azzopardi kienet qalet li huwa kien qalilha li ried imur tieġ f’Tel Aviv waħdu għax ried jagħmel lejl fuq il-qabar ta’ Kristu.
Dan meta Jason Azzopardi tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv, mill-grupp ta’ Yorgen Fenech.
L-istess André Grech f’kitba oħra qal kif il-jum tat-tnax ta’ April, il-jum meta Azzopardi ma telax mill-elezzjoni każwali se tibqa’ mfakkar bħala National Jason Day.
André Grech tella’ ritratt ieħor fejn wera l-ġrajja ta’ Lazzru meta b’miraklu Ġesù Kristu qajmu mill-mewt. Hawnhekk Grech qal kif wieħed ma telax, b’referenza għal Jason Azzopardi u ieħor tela’, b’referenza għal Karol Aquilina. Huwa qal kif wieħed minnhom jidher li rxoxta u se jitwekkew bih għal din il-leġiżlatura, b’referenza għal Karol Aquilina.
André Grech mal-Lovin Malta kien qal li fil-Partit Nazzjonalista tirrenja l-mibegħda u hawnhekk huwa rriżenja mill-partit. Dan wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Therese Comodini Cachia, li ħarġet tattakka lil Adrian Delia fuq kawża ta’ libell kontra l-Lovin Malta.
Ieħor li tkellem dwar il-fatt li Jason Azzopardi baqa’ l-art, kien l-alleat ta’ Adrian Delia, Pierre Portelli.
Dan qal lil Jason Azzopardi sabiex ikompli jaħdem fejn irid, imma l-aqwa li ma jaħdimx f’isem il-Partit Nazzjonalista. Huwa qal kif in-nies tkellmu b’mod b’saħħtu.
Hawnhekk Portelli tkellem l-istess bħall-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li wara r-riżultat tal-elezzjoni qal li n-nies werżqet u mhux tkellmet.