B’reazzjoni għall-aħbar li S&P Global Ratings għolliet ir-rating ta’ pajjiżna għal A -, il-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt kollegament telefoniku fuq il-programm Pjazza stqarr li l-aġenzija tar-rating tal-kreditu Standard & Poors tibbaża ir-ratings tagħha fuq il-fatti u li dan ir-rating huwa riżultat ta’ ekonomija stabbli.
Il-Prim Ministru spjega li dawn ir-ratings pożittivi huma importanti għal mod ta’ kif l-investituri jħarsu lejn pajjiżna u li r-rating ta’ A jfisser li pajjiżna issa se jkun qed jikkompeti ma’ pajjiżi li għandhom ekonomiji aktar kompettitivi.
Il-Prim Ministru stqarr li r-riċetta tas-suċċess li rnexxielu jikseb dan il-Gvern hija dik li emmen fiha l-poplu Malti u Għawdxi, aktar inċentivi u ħolqien ta’ impjiegi. B’referenza għall-baġit li se jiġi preżentat nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru stqarr li dan se jkun qed jibni fuq is-suċċessi li rnexxielu jikseb dan il-Gvern filwaqt li jfassal pjan ta’ dak li se jinkiseb matul is-sena li ġejja.
L-aġenzija għolliet dan ir-rating wara li fl-aħħar għoxrin sena, din l-agenzija kienet naqset gradwalment ir-rating ta’ pajjizna. Minn A+ fl-1996 kienet niżlitu ghal BBB+, bl-aħħar tnaqqis isseħħ waqt il-kampanja elettorali tal-2013.
L-esperti ta’ S&P Global Ratings attribwew id-deċiżjoni tagħhom għall-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna.
Fil-fatt sostnew li Malta qiegħda f’nofs l-ikbar tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewropa, tant li l-ekonomija tagħna hija 25% akbar milli kienet fl-2009.
S&P Global Ratings faħħru t-titjib qawwi fil-qasam tax-xogħol, kif ukoll iż-żieda fl-investiment, partikolarment il-proġetti fl-enerġija, edukazzjoni u saħħa.