Il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon it-tielet pakkett finanzjarju b’inċentivi li nieda l-Gvern ilbieraħ. Dan il-pakkett għandu jkun ta’ tama u fiduċja għall-futur. Futur li jrid ikun mibni fuq ix-xogħol. Mill-bidu nett ta’ din il-kriżi l-GWU dejjem saħqet li kull għajnuna għandha tkun diretta lejn l-impjiegi u ż-żamma tagħhom. Il-pakkett tal-bieraħ għandu dan il-għan u kien mibni fuq din il-linja u dan il-prinċipju.
L-inċentivi li ssemmew ilbieraħ għandhom jiggarantixxu dħul minimu garantit lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’dawk is-setturi l-aktar milquta, fosthom tal-ospitalità, ħwienet u avjazzjoni. Dan kien meħtieġ għax filwaqt li l-ewwel żewġ pakketti għenu fil-likwidità issa qed jagħti għajnuna diretta fil-paġi tal-ħaddiema.
Il-GWU tifhem u taqbel li l-Gvern għandu jkun attent biex kull inċentiv għandu jkun wieħed sostenibbli u ma jwassalx lill-pajjiż għall-problemi finanzjarji u riċessjoni qawwija li ġġib konsegwenzi koroh fuq il-pajjiż kollu speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.
Dan il-patt soċjali kien frott ta’ djalogu kontinwu bejn it-Trade Unions, il-Gvern u min iħaddem. Dan huwa wkoll prova ċara li lkoll flimkien kapaċi nsibu soluzzjonijiet għal din il-kriżi temporanja. Huwa pass pożittiv u żgur mhux wieħed finali. Il-Gvern assikura wkoll li waqt din il-kriżi d-djalogu bejn il-Gvern u l-GWU bħala l-akbar għaqda tal-ħaddiema ser ikun wieħed kontinwu u miftuħ.
Sadanittant il-GWU ser tkun viġilanti biex tara li l-ebda employer ma jabbuża mill-impjegati tiegħu u jipprova jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni. Fl-istess waqt qed taħdem ukoll b’mod kontinwu mal-postijiet tax-xogħol fejn hi rappreżentata biex tara l-impatt ta’ din l-kriżi jkun mifrux fuq kulħadd.