Il-Ġimgħa filgħodu kompla l-Malta Blockchain Summit, fejn eluf ta’ nies li huma nvoluti b’xi mod jew ieħor f’dan il-qasam setgħu jaqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħhom.
Wara li lbieraħ indirizza s-summit il-Prim Ministru Joseph Muscat, illum kien imiss lis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.Schembri tkellem dwar kif pajjiżna ħa mill-ewwel bis-serjetà dal-qasam u nieda diversi korsijiet u fondi sabiex ikun hemm iktar għarfien.
Dan apparti li l-Gvern ħoloq qafas regolatorju fuq il-blockchain. Qafas li daħal fis-seħħ ilbieraħ.
One News tkellem ma’ diversi investituri tal-blockchain, li faħħru s-summit innifsu hekk kif ma stennewx li kien se jkun hemm daqshekk konkorrenza.
Barra minn hekk, faħħru l-pass tal-Gvern meta implimenta leġislazzjoni fuq il-blockchain. Pass bla preċedent li poġġa lil Malta quddiem nett f’das-settur.