Reati tat-traffiku, li jġorru piena ta’ inqas minn sentejn priġunerija, ma jiġux iddokumentati onlajn sakemm ma jkunx hemm talba speċifika mill-partijiet involuti jew isir appell.
Dan qalitu l-Aġenzija tas-Servizz tal-Qorti wara li l-Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, tkellem dwar storja li tinvolvi lis-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.
Fil-Qorti nstab li Spagnol saq waqt li kellu l-livell alkoħoliku fuq il-limitu legali stipulat fil-liġi. Minkejja dan, il-Qorti sabet li ma kienx minnu li Spagnol kien f’sakra tant li ma jistax jieħu ħsieb lilu nnifsu, u fil-fatt waqqgħet tali akkuża.
F’dikjarazzjoni, b’risposta għal akkużi ta’ Jason Azzopardi, l-aġenzija qalet li, minn meta l-Maġistrat Jean Paul Grech beda jisma’ kawżi tat-traffiku f’April 2024, hu ddeċieda total ta’ 189 każ fl-aħħar ta’ Lulju 2024, li minnhom, 12-il sentenza biss ttellgħu onlajn.
Hawn intqal li dawn is-sentenzi jirrappreżentaw każijiet fejn kopja formali ġiet ippreparata fuq talba. B’hekk ladarba sentenza tkun ittajpjata, tkun disponibbli għall-aċċess pubbliku onlajn.
L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati temmet tgħid li jittamaw li din id-dikjarazzjoni tiċċara kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim dwar il-proċess u d-disponibbiltà tas-sentenzi f’każijiet ta’ kompetenza ordinarja.