Dwar ir-riforma tal-Qorti tad-droga, li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard sostna li reat se jibqa’ reat. Hu qal dan f’diskussjoni li kellu ma’ eks vittma tad-droga, f’filmat li xxandar fuq il-midja soċjali.
“Din ir-riforma ma tbiddilx l-ammonti. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ użu personali baqgħu l-istess u bir-riforma se jibqgħu l-istess. Il-massimu ta’ użu personali hu ta’ żewġ pilloli ecstacy, biex nibqgħu fuq dan l-istess sustanza. Terġa’ u tgħid hawn Malta, żewġ pillola ecstacy jekk jaqbdek Pulizija mhux se jgħidlek ibqa’ miexi sieħbi, qisu mhu xejn, xorta jieħu l-passi fil-konfront tiegħek.”
Il-Ministru Attard sostna li t-tali ċifri huma ċifri indikattivi li diġà jeżistu fil-liġi u sempliċiment b’din ir-riforma se jkunu aġġustati.
“Però, dak ir-reat meta jitwettaq mill-vittma tad-droga, għax ikollu dipendenza fuq id-droga, u dik trid konvinta l-Qorti li għandu l-vizzju tad-droga, u jekk il-Qorti tkun moralment konvinta li jixtieq jirriabilta ruħu.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja semma kif il-Qorti tkun konvinta li dak li jkun se jkun ħa jbiddel ħajtu.
“Għandna l-element ta’ ġudizzju personali, però fuq kollox hemm fil-liġi stess, jiġifieri f’din il-famuża skeda li qed nirreferu għaliha, tispeċifika u tikklassifika anke l-involviment tal-persuna fir-reat u l-liġi tagħna toħloq numru ta’ kriterji li ġudikant jeżaminahom meta jkollu persuna quddiemu, anke bl-għajnuna mbagħad ta’ diversi istituzzjonijiet u organizazzjonijiet li jaħdmu fis-settur li jasal għal konvinċiment morali tiegħu, li dan hu persuna li dipendenti mid-droga għalhekk wettaq ir-reat u hu t-tieni parti, li dejjem nenfasizza fuqha li għandu l-volontà u r-rieda dak li jkun li jirriabilita ħajtu mill-ġdid.”
Il-Ministru qal li l-bord f’din ir-riforma proposta se jkun qed issaħaħ id-deċiżjoni fuq dawn il-vittmi.
“Li għamilna differenti f’din ir-riforma biex nindirizzaw sitwazzjoni fejn ikollok persuna, vittma tad-droga li jkun hemm ċirkostanzi li jkollu reat wieħed u possibilment ikun hemm aktar minn qorti waħda li rreferietu għall-Qorti tad-Droga, mela l-bord qiegħed jissorvelja l-progress ta’ dan l-individwu fil-konfront ta’ numru ta’ reati. Li għamilna differenti issa ħabba l-esperjenza li kellna fl-aħħar għaxar snin kien li ħloqna proċedura ta’ kif il-bord jikkomunika mal-Qrati kollha marbuta mar-reati li għandu dan il-persuna għaddejjin bħalissa.”
Il-Ministru Jonathan Attard sostna li din ir-riforma, li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika sad-disgħa ta’ Frar li ġej, għandha tagħti ġustizzja, waqt li kulħadd ikollu d-dritt għal ħajtu mill-ġdid.
Sadanittant, stqarrija mill-Bord Konsultattiv ta’ Qabel is-Sentenzi qalet b’mod ċar li l-allegazzjonijiet li qed isiru dwar figuri ta’ żieda fl-użu personali ta’ droga huma foloz u bla bażi.
Intqal li d-deċiżjoni rigward pussess sempliċi jew b’pussess b’intenzjoni hu determinat b’deskrizzjoni mill-Pulizija, flimkien mal-Avukat Ġenerali, u jiddependi skont il-każ.