L-Artisti Għawdxin Christopher Saliba, Rachel Galea, Manuel Farrugia u Anthony Caruana qed jesebixxu 24 xogħol tal-arti bit-tema ‘Inħaddnu l-bidla f’Għawdex’, fil-Parlament Ewropew fi Brussell. L-esebizzoni hija espressjoni artistika tal-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin waqt li l-gżira Għawdxija għaddejja minn bidliet qawwija ekonomiċi, soċjali u kulturali minn ħdanha u minn barra.
“Din hija opportunita` eċċellenti għalina l-artisti biex nindirizzaw il-kwistjoni tal-poplu li jgħix f’Għawdex li dejjem jeħtieġ isib bilanċ bejn il-ħarsien tal-identita` u l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-kontemporanjeta`”, qal l-artist Christopher Saliba lil ġurnalisti fi Brussell.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li nediet l-esebizzjoni, qalet li l-esebiti tal-artisti Għawdxin jirrappreżentaw gżira żgħira li tfawwar b’talenti artistiċi u kreattivi.
“Il-pitturi jixhdu moħħ u qalb il-bniedem filwaqt li jirrakkontaw it-tbissim u d-dmugħ tagħna, l-ansjetajiet u l-aspirazzjonijiet tagħna.” qalet il-Ministru Caruana.
Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant, li stieden l-artisti Għawdxin jesebixxu l-kreazzjonijiet artistiċi tagħhom fi Brussell, qal li b’insularita` doppja, l-gżira ċkejkna tal-komunita` Għawdxija għandha sfidi kontinwi maħluqa mill-post moderniżmu u mill-ħtieġa li tadatta għan-nuqqas ta’ kontinwita` ekonomiċi u soċjali.
“L-artisti Għawdxin qed jagħtu xiehda tal-esperjenzi li joħorġu minn dawn l-isfidi li affettwaw – u għadhom jaffettwaw b’mod sinifikanti – l-identita` u l-profil kulturali ta’ gżirithom.” qal Dr Sant.
L-esebizzjoni ġiet koordinata u mwaqqfa mill-Kuratur Manwel Grima.