Il-maġġoranza tal-persuni LGBTIQ li jkunu qed jesperjenzaw xi tip ta’ vjolenza domestika jew abbuż, iżommu lura milli jirrapurtaw dan, hekk kif jibżgħu li jinkixfu jekk ikunu għadhom ma ħarġux pubblikament dwar is-sesswalità tagħhom.
Qalet dan il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friggieri, fejn f’kummenti ma’ dan l-istazzjon spjegat li r-relazzjonijiet bejn koppji tal-istess sess mhux dejjem ikunu ward u zahar u ftit huma konxji li l-vjolenza domestika teżisti wkoll bejn koppji omosesswali.
Qalet li, “Hemm diversi persuni għaliex persuna ma tmurx tirrapporta meta tiġi abbbużata jew vjolentata anke fost koppji tal-istess sess. Waħda minnhom hija ċertu mistħija, element ta’ biża u element ta’ inkwiet li se ninkixef għaliex dak li jkun forsi jkun għadu ma ħariġx jew ma ddeċidiex li joħroġ u jinforma lill-ħbieb u qraba dwar dak li għaddej minnu allura jgħid li ħa ninkixef.”
Il-Kummissarju Friggieri esprimiet it-tħassib li fuq dan it-tip ta’ abbuż ma tantx hawn għarfien u għalhekk fil-jiem li ġejjin se tkun qed tiġi mnedija kampanja bl-isem Ilkoll Umani.
Qalet kif, “Il-vjolenza domestika tista’ taffetwa wkoll relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, persuni bi sesswali u anke dawk trans ukoll. Din importanti li niġbdu din l-attenzjoni fuqha għax ma tantx hawn għarfien.”
Audrey Friggieri qalet li l-istudji kollha juru li l-abbuż bejn koppji tal-istess sess jista’ jseħħ aktar minn dik f’relazzjoni bejn koppja magħmula minn mara u raġel.
Spjegat, “L-elementi kollha li jistgħu jinsabu fil-vjolenza domestika meta naħsbu f’mara u raġel jeżistu bl-istess mod jekk mhux aktar saħansitra għax hemm riċerka li turi dan bejn koppji tal-istess sess.”
Infatti, minn riċerka li saret fl-Ewropa, 44% ta’ nisa omosesswali u madwar 61% ta’ nisa bisesswali jesperjenzaw stupru, vjolenza fiżika u tip ta’ fastidju ieħor mis-sieħba jew is-sieħeb tagħhom.
Dawn l-istess esperjenzi jgħaddu minnhom 35% ta’ nisa eterosesswali.
Ir-riċerka tkompli turi li 26% ta’ rġiel omosesswali u 31% ta’ rġiel bisesswali jesperjenzaw stupru, vjolenza fiżika u tip ta’ fastidju ieħor mis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom.
L-istess esperjenzi jgħaddu minnhom 29% ta’ rġiel eterosesswali.