Dak li jintlagħab bħala derby lokali fi Spanja llum se jinbidel f’derby Ewropew hekk kif Real Madrid u Altetico Madrid jilagħbu l-finali taċ-Champions League f’Milan. Hija sfida bejn tim mimli stilel għal ieħor li għalkemm mill-istilel mhux nieqes jibbaża iktar il-logħob fuq il-kollettiv. Huma wkoll żewġ timijiet li jilagħbu futbol differenti. Real Madrid skorjaw 110 gowls fil-kampjonat din is-sena u Atletico skorjaw 63 biss. Iżda filwaqt li tal-ewwel qalgħu 34 gowl, Atletico qalgħu biss 18.
Real Madrid se jkunu qed ifittxu li jirbħu din it-tazza għall-11 –il darba filwaqt li Atletico Madrid għad irid jirbħuha għall-ewwel darba. Fil-fatt Real Madrid telgħu sal-finali għal 14 –il darba .
F’kummenti li ta fl-aħħar sigħat, Zinedine Zidane, kowċ ta’ Real Madrid qal li telfa ma tkunx tfisser falliment għat-tim tiegħu. Il-Franċiż, li ħa t-tmexxija tat-tim f’nofs staġun, qal: “Jekk nitilfu xejn ma jneħħi mix-xogħol tajjeb li għamilna sa issa. Baqa’ lejl ieħor. Illejla norqdu u għada nilagħbu finali mill-aqwa,” qal Zidane f’kummenti lill-ġurnalisti lbieraħ.
Għal Fernando Torres, l-attakkat ta’ Atletico Madrid, din hi l-iktar logħba importanti tal-karriera tiegħu, anke jekk unuri kbar diġa’ rebaħ mhux ħażin. “Dak kollu li nista’ nikseb mat-tim li tani ċ-ċans nilgħab il-futbol, it-tim li appoġġjajt sa minn meta kelli ħames snin ikun differenti. Kont fortunat li rbaħt ħafna ma’ Chelsea u t-tim nazzjonali Spanjol, iżda llejla differenti,” qal Torres.
Atletico Madrid rebħu seba’ mill-aħħar 16-il logħba kontra Real Madrid, ħamsa oħra spiċċaw fi draw u erba’ ntrebħu minn Real Madrid. L-aħħar erba’ logħbiet bejn dawn iż-żewġ timijiet produċew erba’ gowls. U Atletico rnexxielhom ma jaqilghħux gowl fi 15 mill-aħħar 21 logħba fil-kompetizzjoni.
Interessanti kif din hija t-tielet finali fl-aħħar erba’ snin li qed tintlagħab bejn timijiet mill-istess pajjiż (Ġermaniżi fl-2013, Spanjoli fl-2014 u din is-sena).