Ma jidhirx wisq. Iżda, donnu dejjem hemm. Hekk il-gazzetta Kullħadd iddeskriviet lil Richard Cachia Caruana, li f’mument fejn il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-agħar mumenti tiegħu, dan qed jiltaqa’ ma’ għadd ta’ deputati Nazzjonalisti.
Minn meta ma baqax ir-Rappreżentant Permanenti Malti fi Brussell, Cachia Caruana, strateġist ewlieni ta’ Eddie Fenech Adami għal ħafna snin, ma baqax jidher wisq fl-għajn pubblika. Iżda, dawk fil-politika jsostnu li Cachia Caruana qatt ma sparixxa mix-xena.Fil-fatt, Simon Busuttil kien iżommu bħala punt ta’ referenza meta kien Kap għax dejjem kellu konnessjoni diretta ma’ Daphne Caruana Galizia.
Nies b’esperjenza fil-Partit Nazzjonalista kienu diġà indikaw li għandhom suspetti ċari li f’dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista huwa involut dak li huwa magħruf bħala “il-Kardinal.”
Il-Kullħadd qalet ukoll li Cachia Caruana qed iżomm kuntatt ma’ numru ta’ membri tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. F’xi laqgħat kien hemm ukoll xi ġurnalisti.
Wieħed mill-membri parlamentari li deher magħhom f’laqgħat filgħaxija kien l-Avukat Karol Aquilina li huwa element ewlieni fil-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u li kien fost dawk li kemm ilu Kap Adrian Delia ħa pożizzjonijiet li jikkuntrastaw ma tiegħu.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali fissru kif hemm suspetti serji min-naħa tal-fazzjoni ta’ Delia li Cachia Caruana reġa’ jinsab involut għax ismu huwa sinonimu mal-kumplotti għall-poter fl-istamperija u fil-pajjiż.