F’San Vinċenz de Paul, ġie inawgurat uffiċjalment Razzett l-Hena, proġett ta’ razzett terapewtiku innovattiv li jagħti spazju rilassanti lir-residenti, il-familjari tagħhom u lill-viżitaturi biex iqattgħu ħin ta’ serħan u interazzjoni mal-annimali. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €700,000 bħala parti minn miżura tal-Budget li tippromwovi attivitajiet terapewtiċi u interġenerazzjonali fost l-anzjani.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/12095343/pr250222a-1024x683.jpg)
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal li dan se jkun post fejn ir-residenti ta’ San Vinċenz jistgħu jqattgħu ħin mal-għeżież tagħhom, u b’hekk inkunu qed nippromwovu iktar attivitajiet interġenerazzjonali fost oħrajn. Il-kapaċità terapewtika li għandhom l-annimali ilha rikonoxxuta u fil-fatt, il-ministru saħaq li studji wkoll urew li t-tgħanniq u ġesti ta’ affezzjoni u imħabba lejn l-annimali jgħinu ħafna biex jikkalmaw u jirrilassaw lill-bniedem. It-terapija tista’ tgħin ukoll persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja biex ikunu iżjed kapaċi jikkomunikaw.
“Permezz ta dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €700,000 qed tiġi imwettqa parti minn wedgħa oħra favur il-kura tal-anzjani,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq li dan il-proġett huwa aktar minn spazju ta’ rilassament, iżda forma konkreta ta’ terapija li tgħin biex titjieb is-saħħa mentali u emozzjonali tal-anzjani. “B’aktar spazji ta’ terapija, aktar servizzi fil-komunità u aktar investiment fl-infrastruttura, qed nassiguraw li l-anzjani tagħna mhux biss jirċievu l-aqwa kura, iżda jkollhom ukoll ħajja li tkompli tkun attiva u mimlija sodisfazzjon,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/12095347/pr250222b-1024x675.jpg)
It-terapija bl-annimali ilha parti mill-kura tar-residenti f’San Vinċenz de Paul, b’sessjonijiet regolari mwassla minn animal handlers professjonali. Biex din l-inizjattiva tissaħħaħ, ġiet ittrasformata żona li qabel ma kellha l-ebda użu, f’razzett li joffri ambjent sigur u ta’ wens għal dawk li jużawh. L-anzjani li jżuru dan l-ispazju jistgħu jinteraġixxu ma’ annimali bħal debba, ħmar, mogħoż, nagħaġ, fniek, wizz, u għasafar, kollha fi kmamar attrezzati apposta.
Din l-inizjattiva hija mfassla biex tnaqqas l-istress, l-ansjetà, u d-dipressjoni, filwaqt li tgħin lil persuni bid-dimensja jikkomunikaw aħjar u jesperjenzaw mumenti ta’ reminixxenza. Barra minn hekk, ir-razzett joffri wkoll żona tal-logħob għat-tfal, biex joħloq ambjent fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien mal-anzjani tagħhom.
Matul dan il-proġett, saru wkoll rinnovazzjonijiet fil-cat café li jinsab biswit ir-razzett.
Dan il-proġett ikompli jsaħħaħ l-impenn li l-anzjani f’San Vinċenz de Paul jingħataw servizzi innovattivi li jtejbu l-benesseri tagħhom, f’ambjent sigur li joffri serħan il-moħħ u interazzjoni pożittiva mal-bqija tal-komunità.