F’operazzjoni li għamlet il-Ħadd filgħodu, il-pulizija ġabret 27 immigrant minn razzett fil-Marsa-Ħamrun Bypass, wara li rriżulta li kienu qed jgħixu f’Malta mingħajr id-dokumenti meħtieġa.
ONE News jinsab infurmat li fir-razzett kienu jogħqodu madwar 40 immigrant.
Is-sejba saret wara li l-Ħadd filgħodu l-Pulizija kienet qed tagħmel ronda fil-Marsa li ssir ta’ kuljum għal persuni li jkunu qed jitlajjaw fit-toroq.
Waqt din ir-ronda, il-Pulizija talbet xi dokumenti lill-persuna partikolari u dan irriffjuta. Dan mexxihom għar-razzett, fejn instabu għexieren ta’ immigranti.
Fir-razzett instabu wkoll għexieren ta’ saqqijiet u ħwejjeġ minxurin.
F’dawn l-aħħar xhur, sejbiet simili saru f’razzett f’Ħal Qormi u f’dar fil-Ħamrun.
Waqt l-operazzjoni tal-Ħadd filgħodu, l-immigranti ttieħdu lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana għall-iżjed stħarriġ.
Il-pulizija kkonfiskat il-mowbajls u l-affarijiet li kellhom fuqhom l-immigranti.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News qalu li l-immigranti kellhom passaport Taljan jew dokument temporanju tal-ivvjaġar magħruf bħala soggiorno maħruġ mill-awtoritajiet Taljani, b’dan tal-aħħar kien skadut.
Dan ifisser li m’għandhomx il-permessi meħtieġa sabiex joqogħdu u jaħdmu f’Malta.
Mhux qed ikun eskluż ukoll li dawn l-immigranti jintbagħtu ‘l barra minn xtutna.
Il-pulizija tkellmet ukoll ma’ sid ir-razzett, li kien fuq il-post.
Sorsi fuq il-post qalu ma’ ONE News li huwa kien jieħu xi forma ta’ kirja mingħand dawn l-immigranti.
L-operazzjoni tal-Ħadd filgħodu saret mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni, bl-għajnuna tal-membri tar-Rapid Intervention Union u l-pulizija tad-distrett tal-Ħamrun.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dawr dan il-każ għadhom għaddejin.