F’awla numru 20, kompliet tinstema’ x-xhieda fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fis-seduta tat-Tnejn, xehed l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit, li serva f’din il-kariga għal sitt xhur fl-2014. Huwa xehed li meta kien Assistent Kummissarju, kien irċieva telefonata mingħand il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien John Rizzo u qallu biex jinforma lil Daphne Caruana Galizia li kienet qed titwaqqaf l-għassa li kellha ma darha.
Dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà ta’ Daphne Caruana Galizia, Ray Zammit xehed li fiż-żmien li hu kien fil-kariga, kien hemm preżenza frekwenti tal-Pulizija fil-viċinanzi u fl-entratura li tagħti għar-residenza tagħha, iżda ma kienx hemm fixed point.
Xehed li qatt ma rċieva talba mingħand xi ħadd – la bil-kitba u lanqas bil-fomm – għall-protezzjoni fissa ħdejn id-dar tas-Sinjura Caruana Galizia, u li qatt ma ħass li kien hemm theddida fuq ħajjitha.
Fuq il-pedana tax-xhieda, Ray Zammit qal li qatt ma rċieva rapporti mill-FIAU jew mis-Servizzi tas-Sigurtà dwar is-sigurtà ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dwar briefings li kienu jsiru mas-Servizzi tas-Sigurtà, Ray Zammit qal li qatt ma kien ikun hemm ħadd preżenti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lanqas kien jinfurmahom b’dak li jingħad.
Fl-istess seduta xehed ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti wara akkużi minn xhud preċedenti li kien ikun fir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
“Jiena malli rajt ir-rapport ta’ x’kien qed jintqal li kelli l-uffiċċju fir-raba’ sular tal-kwartieri tal-Partit Laburista, stqarrejt b’affidavit li jien qatt ma kelli l-ebda uffiċċju l-ebda desk la fir-raba’ sular u ebda sular tal-kwartieri tal-Partit Laburista.”, xehed Chetcuti.
Is-Sur Chetcuti żied li qabel l-elezzjoni tal-elfejn u tlettax, b’mod volontarju kien ilaqqa’ persuni mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat fit-tielet sular, u li qabel l-elezzjoni tal-2013 qatt ma kellu aċċess u qatt ma kien fir-raba’ sular.
Spjega li l-laqgħat kellhom l-iskop li jindirizzaw il-problemi tan-negozji ta’ dak iż-żmien, u li matulhom qatt ma sema’ lil Joseph Muscat iwegħedhom xi ħaġa.
Xehed li l-ewwel darba li tela’ fir-raba’ sular kien dakinhar stess tal-elezzjoni, u ma jidhirlux li reġa’ tela’ fir-raba’ sular wara dakinhar.
Dwar Keith Schembri qal li sar jafu meta laħaq Chief of Staff tal-Prim Ministru u mhux qabel, u ma kienx ikun preżenti waqt laqgħat li kien ikollu ma’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013.
Qal li wara l-elezzjoni ġieli ltaqa’ ma’ Keith Schembri f’Kastilja, u li qatt ma kellu laqgħat ma’ Yorgen Fenech jew il-familja tiegħu.
Meta mistoqsi mill-avukat Dr Jason Azzopardi dwar l-għotjiet fil-maratoni tal-Partit Laburista, qal li għandu rċevuti li juru li hu dejjem ta l-istess ammont ta’ donazzjoni liż-żewġ partiti politiċi, u li ma jafx dwar donazzjonijiet oħra li kienu jingħataw minn xi imprendituri jew żviluppaturi.
Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Konrad Mizzi, qal li bħala MDA, sar ħafna xogħol mal-Ministeru li kien responabbli minnu, u għandu relazzjoni tajba miegħu bħalma għandu ma’ membri tal-Oppożizzjoni bħal Marthese Portelli.