L-idejn il-leminija ta’ Bernard Grech Ray Bezzina, u Chris Peregin, li kien responsabbli mill-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, irriżenjaw mill-karigi rispettivi tagħhom.
Iż-żewġ protagonisti wara t-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista rriżenjaw propju s-Sibt waranofsinhar.
Konferma oħra ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista u l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech użaw l-miġja tal-Papa Franġisku f’pajjiżna sabiex jagħmlu t-tibdil fi ħdanhom mingħajr ma jindaqqu ħafna trombi fuqhom.
Irrapporta it-tluq ta’ Bezzina u Peregin is-sit MaltaToday hekk kif dwar Ray Bezzina, li huwa l-Eks Chief of Staff ta’ George Pullicino u l-Kap tas-Segretarjat ta’ Bernard Grech, ġie spjegat li filwaqt li rriżenja mill-kariga tiegħu huwa se jkun qed jaħdem għal xahar ieħor fl-istess uffiċċju sabiex jgħin fil-proċess ta’ transizzjoni.
Mal-MaltaToday Bezzina qal li għandu fiduċja f’Bernard Grech filwaqt li feraħlu talli għażel jerġa’ jfittex il-konferma sabiex jibqa’ Kap Nazzjonalista.
Intant dwar Chris Peregin, il-MaltaToday qalet li l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu awtomatikament skada ma’ tmiem l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Peregin, li skont rapporti tħallas mas-€60,000 mill-Partit Nazzjonalista, minn nhar il-Ħadd ma lissinx kelma waħda fuq ir-riżultat elettorali tal-Partit Nazzjonalista u baxx baxx mal-Maltatoday irringrazzja lill-Partit Nazzjonalista għall-fiduċja li wera fih. Saħaq li se jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ Bernard Grech kull darba li dan iħoss li għandu jsejjaħlu.
Christian Peregin huwa s-sid u l-fundatur tas-sit lovin Malta.
Fit-13 ta’ Lulju li għadda Peregin kien ħabbar li se jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex imexxi l-istrateġija tal-Partit. Huwa kien qal ukoll li kien beda l-proċess sabiex ibigħ l-ishma tiegħu tal-Lovin Malta, madankollu sal-lum l-ishma tiegħu baqgħu qatt ma nbiegħu biex b’hekk tkompli baqgħet tiġi kkonfermata, l-influwenza tiegħu fuq is-sit.