Kienu bosta li ħassewhom diżullużi bil-ftit bidliet li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fix-shadow cabinet tiegħu wara iżjed minn mitt jum li daħal fil-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech spiċċa ċeda għall-pressjoni wara li inizjalment neħħa l-portafolli li kellhom Robert Arrigo u Stephen Spiteri.
Arrigo oriġinarjament neħħielu t-turiżmu iżda imbagħad kellu jerġa’ jtijulu filwaqt li lil Spiteri kellu jżommlu s-saħħa wara li anki qamet rivolta kontra l-Kap u membri tal-kumitat sezzjonali tat-tieni distrett, minn fejn Spiteri jitla’ fl-elezzjoni, bdew jheddu li se jirriżenjaw f’daqqa.
Fuq kollox Bernard Grech beda joqgħod għal dak li jgħid Ray Bezzina, li kien hu li beda jitkellem mad-deputati Nazzjonalisti fuq insistenza ta’ Louis Galea.
Bezzina, eks chief of staff tal-Ministru George Pullicino, kien involut fi skandlu ta’ indħil mill-Partit Nazzjonalista f’ingaġġjar fil-Wasteserv.
Kien il-Maltatoday, li tliet snin ilu żvela aktar minn 60 paġna ta’ emails, li fih juru li l-indħil dirett li kien hemm mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Ministri fil-Kabinett tiegħu u uffiċjali tal-Gvern biex jimlew il-Wasteserv bil-kostitwenti tagħhom.
L-emails imorru lura bejn l-2009 u lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u jikxfu iswed fuq l-abjad l-indħil dirett tal-eks Ministri, deputati u kandidati Nazzjonalisti u magħhom uffiċjali tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi biex jagħtu impjieg b’mod dirett lill-votanti Nazzjonalisti fil-Wasteserv.
L-emails juru biċ-ċar li ma kienet teżisti l-ebda distinzjoni bejn il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista, b’deputati Nazzjonalisti li llum jitkellmu ħafna dwar governanza tajba u trasparenza, jużaw l-email personali tagħhom minflok tal-Gvern biex idaħħlu lin-nies tagħhom fil-Wasteserv.
Fl-emails li nkixfu hemm Ray Bezzina li issa daħlu miegħu Bernard Grech.
F’email minnhom Ray Bezzina kien kiteb li hemm erba’ persuni li huma ta’ prijorità li jiddaħħlu fuq talba minn Kastilja fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Saħaq li ġennewh fuqhom, taħt email ta’ Monica Mizzi, l-eks segretarju privat ta’ Gonzi.
F’email oħra, Bezzina jsemmi żewġ persuni oħra biex jiddaħħlu jaħdmu.
Saħansitra f’email separata, Ray Bezzina, li issa qed jieħu d-deċiżjonijiet għal Bernard Grech, kiteb lil Vincent Magri, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv u qallu li d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kien kellmek dwar persuna oħra.
F’email oħra żvelata, Ray Bezzina jikteb biex jieħdulu ħsieb persuna oħra li bagħat id-dettalji fuqha u jgħid li din ta’ Edgar, b’referenza għal Edgar Galea Curmi li kien iċ-chief of staff tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Ray Bezzina, li l-establishment Nazzjonalista issa jridu jkun ma’ Bernard Grech, jinsab involut f’ruxmata emails skandalużi.
Intant l-għaqda BirdLife kritikat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-għażliet li għamel fix-Shadow Cabinet.
BirdLife Malta qalet li żewġ deputati favur l-ambjent tilfu l-portafolli li kellhom, fosthom fuq l-ambjent.
Dan b’referenza ċara li David Thake tneħħielu l-portafoll tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u minflok dan ingħata lil Robert Cutajar.
L-għaqda BirdLife qalet li imbagħad l-ewwel laqgħa li kellu Bernard Grech wara li neħħa żewġ deputati favur l-ambjent, kien li mar jiltaqa’ mal-Federazzjoni Kaċċaturi u Konservazzjonisti, l-FKNK.
Il-BirdLife qalet li m’hemm xejn ħażin b’daqshekk, anki jekk Bernard Grech qed iġibha fit-tul biex jiltaqa’ ma’ għaqdiet mhux governattivi oħra favur l-ambjent, fosthom anki l-għaqda BirdLife nnifisha.