Id-Deputat Laburista Ray Abela indirizza lill-Assemblea Parlamentari tal-Commonwealth dwar l-intelliġenza artifiċjali, il-misinformazzjoni u l-integrità tad-demokrazija diġitali f’sessjoni speċjali dwar “Midja Sintetika u l-Membri Parlamentari”.
Abela tkellem dwar it-theddida reali li l-midja sintetika timponi u qal li tkun politiku u Parlamentari, b’esperjenza fit-Teknoloġija tal-Informatika, jippreżenta opportunità unika biex titfassal politika u jinħolqu diskussjonijiet li jnaqqsu d-distakk bejn il-governanza, il-komunitajiet, it-teknoloġija u l-edukazzjoni.
Waqt li enfasizza li pajjiżna se jkompli il-mixja lejn il-qalba diġitali, tenna li t-teknoloġija li qed tevolvi b’rata mgħaġġla għandha tintuża biex is-soċjetà tagħna tkun waħda aktar innovattiva u effiċjenti. Qal, iżda, dawn it-teknoloġiji jistgħu jimponu theddida reali u semma, fost oħrajn, il-malware, phising, serq ta’ identità li jimmanipulaw lil dawk li jaqgħu vittmi tagħhom.
Mill-att politiku, Abela qal li din it-teknoloġija tista’, sfortunatament, ukoll tintuża f’kampanji ta’ misinformazzjoni, f’manipulazzjoni biex titnaqqar il-fiduċja pubblika fil-proċess politiku u l-istituzzjonijiet pubbliċi. F’ċerti stanzi dawn faċilment jinfluwenzaw b’mod malizzjuż il-kampanji politiċi u l-votanti.
Id-Deputat Laburista tkellem ukoll dwar iż-żieda tas-cyber bullying li, sfortunatament, jiffaċjaw bosta, b’mod speċjali żgħażagħ.
Fl-aħħarnett hu saħaq li, permezz tal-koperazzjoni internazzjonali u bejn numru ta’ stakeholders, għandhom jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni kontra t-theddida reali tal-inteliġenza artifiċjali, filwaqt li jiġi aċċertat li s-soċjetà fil-faxxi kollha tagħha tkun mgħarrfa biex isir l-aqwa użu ta’ kull teknoloġija ġdida żviluppata, kif diġà jsir f’diversi setturi.