Sal-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti kellu jippubblika d-deċiżjonijiet aħħarija tiegħu dwar kif għandu jinkiteb il-kliem ta’ nisel Ingliż li daħal jew dieħel fil-Malti. Iżda dawn id-deċiżjonijiet li għandhom jobbligawna jekk għandniex niktbu mowbajl jew mobile, rawndebawt jew roundabout, futbol jew football, ċermen jew chairman, plejer jew player, fost l-oħrajn, għadhom jiġu kkontemplati.
Mitlub jikkummenta x’wassal biex id-deċiżjonijiet għadhom ma ġewx ippubblikati, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti Prof. Ray Fabri qalilna li dan huwa proċess delikat għax jinvolvi diskussjonijiet twal bejn nies li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja.
Mingħajr ma ta indikazzjoni meta dawn se jiġu ppubblikati, Prof. Fabri qal li fiż-żmien li ġej mistenni jitħabbar stadju ieħor. Meta mitlub jelabora dwar dan, il-kelliem qal biss li d-dettalji jingħataw iżjed ’il quddiem.
Fl-ewwel nofs tal-2008, il-Kunsill tal-Malti waqqaf sottokumitat magħmul minn nies li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, li ddiskutew kif għandu jinkiteb kliem ta’ nisel Ingliż. Wara nħatar it-tieni kumitat, li kellu jwassal biex jippubblika d-deċiżjonijiet imsemmija.