L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat mill-ġdid ir-rating ta’ pajjiżna bħala A+, bi prospetti stabbli.
Fir-rapport tagħhom l-esperti internazzjonali nnutaw it-tkabbir ekonomiku qawwi ta’ Malta tant li jgħidu li dan huwa “outperforming the rest of the EU”. Huma jinnuttaw kif l-akbar fattur wara t-tkabbir ekonomiku kien livell qawwi ta’ investiment. Dan filwaqt li l-livell ta’ konsum privat tajjeb, minħabba li skont Fitch Ratings l-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet relattivament taħt kontroll minħabba l-miżura tal-Gvern li żamm il-prezz tal-enerġija stabbli. Il-qgħad laħaq ukoll minimu storiku s-sena li għaddiet.
Fost is-setturi li l-aktar marru tajjeb ir-rapport issemmi l-gaming, l-informatika, s-servizzi professjonali kif ukoll it-turiżmu. Dawn mistenni jkomplu jikbru anke din is-sena meta l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija terġa’ tikber b’mod sinjifikativ. Dan filwaqt li l-r-rata tal-għoli tal-ħajja mistenni jonqos, speċjalment fid-dawl tad-deċizjoni tal-Gvern li jkompli jkun ta’ sostenn.
Minkejja dan is-sostenn, l-esperti tal-Fitch Ratings jirrikonoxxu li d-deficit kompla jonqos. Dan fid-dawl tal-galbu fl-immaniġjar tal-ispiża tal-Gvern. Filfatt huma qed ibassru li mhux talli l-Gvern ser jilħaq il-miri fiskali għal din is-sena, imma talli se jmur anke aħjar milli previst fil-Budget li għadda. Il-piż tad-dejn pubbliku huwa mbassar li jibqa taħt is-60% tal-ġid nazzjonali.
Fir-rapport tagħhom, tal-Fitch Ratings igħidu li mingħajr bżonn ta’ miżuri ta’ awsterita, bħal żidiet fit-taxxi jew tnaqqis fl-ispiża, il-qagħda finanzjarja tal-Gvern ser tibqa titjieb minħabba r-rata tajba ta’ tkabbir ekonomiku.
Dan filwaqt li r-rapport jinnota li pajjiżna għandu “strong institutional capacity, effective rule of law and a low level of corruption.”
Fid-dawl ta’ dan kollu l-esperti ta’ din l-agenzija kkonfermaw ir-rating tagħhom għal pajjiżna, A+, biex bagħtu sinjal ċar tal-kunfidenza li għandhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna u t-tmexxija tal-Gvern Malti.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif minkejja l-inċertezzi ekonomiċi madwar id-dinja, l-aġenzija Fitch Ratings reġgħet ikkonfermat rating b’saħħtu għal Malta.
Żied jgħid kif l-esperti ta’ Fitch jinnutaw kif l-ekonomija Maltija tiżboq ekonomiji oħra fl-Ewropa; b’investiment għoli, rekord ta’ nies f’impjieg, u inflazzjoni relattivament ikkontrollata.