Il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta, Cathy Ward, laqgħetna fil-binja tal-Kummissjoni f’Ta’ Xbiex liebsa l-iswed, sinjal ta’ luttu għat-telfa tal-monarka li mexxiet lil pajjiżha għal sebgħin sena sħaħ.
Sakemm stennejna biex inkellmuha, fi skiet taqtgħu b’sikkina baqgħu ġejjin in-nies biex jiffirmaw il-ktieb tal-kondoljanzi li l-ambaxxata fetħet fl-okkażjoni tat-telfa tar-Reġina.
Il-Kummissarju Għoli Ward għadha kif waslet lura f’pajjiżna wara li kienet Londra għal ftit jiem biex tattendi għal konferenza tal-kapijiet tal-missjonjiet diplomatiċi tar-Renju Unit fl-Ewropa.
Hija tkellmet magħna dwar l-atmosfera li hemm bħalissa fil-kapitali tar-Renju Unit.
Qalet, “Niddeskrivi l-atmosfera f’Londra bħala waħda ta’ niket, jiġifieri hija kwieta imma b’mod stramb, ikolli ngħid; atmosfera ta’ paċi.”
Qalet, “Ilbieraħ filgħodu mort inpoġġi l-fjuri b’turija ta’rispett għall-Maestà Tagħha quddiem Buckingham Palace. Kien hemm mijiet ta’ nies mexjin bil-kwiet fit-triq ta’ quddiem il-palazz u kjuwijiet twal ħafna ta’ nies – ridt verament timxi biex tasal sat-tarf tal-kju – biex juru r-rispett tagħhom, fis-skiet. Kienet pjuttost sabiħa u emozzjonanti ħafna.”
Intant, wara li l-Union Jack fuq il-binja tal-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit f’Malta kienet qed tperper mezz’asta b’sinjal ta’rispett lejn il-memorja tar-Reġina Eliżabetta II, is-Sibt reġgħet kienet qed tperper b’mod normali biex timmarka l-fatt li r-Re Karlu Tlieta ħa t-tron. Il-bandiera tar-Renju Unit terġa’ titniżżel mezz’asta l-Ħadd waranofsinhar u tibqa’ hekk sal-għodwa tal-għada tal-jum tal-funeral tar-Reġina Eliżabetta II, li d-data eżatta meta se jsir għad trid titħabbar.