Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, flimkien mal-Bank APS, niedew il-prodott bl-isem ta’ ‘Loan-Up’, li se jara mijiet ta’ familji jibbenefikaw minn tnaqqis fir-rata tal-imgħax meta dawn jixtru proprjetà.
Dan il-prodott se jkun l-aktar wieħed affordabbli fis-suq u se jkun speċifikament immirat lejn familji u individwi bi dħul baxx u medju li għandhom inqas minn 30 sena u ma jaqbżux id-dħul ta’ tletin elf ewro fis-sena.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, fejn ġie spjegat kif dan l-istrument finanzjarju se jara li s-suq ikun aktar aċċessibbli b’tali mod li jżid l-ammont li familji bi dħul baxx u medju jistgħu jissellfu biex jixtru proprjetà.
Din l-iskema se tara li l-APS jiffissa r-rata tal-imgħax għal 1.95% għal seba’ snin fuq is-self.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Jake Azzopardi, spjega kif ġew investiti mal-miljun ewro f’din l-iskema biex tipprovdi dawn ir-rati baxxi mal-APS, fejn eventwalment se tara mal-€65 miljun jew aktar f’loans biex 350 familja jew individwu jsiru sidien ta’ djarhom.
Qal, “Qed nimmobilizzaw fond ta’ miljun ewro biex jiffaċilita roħs f’rata ta’ interess li biha se jissellfu mijiet ta’ persuni fl-ewwel ċiklu. Prodott li jaċċerta mhux biss dik ir-rata ta’ interess imraħħsa, imma dik ir-rata ta’ interess imraħħsa l-klijent jista’ jirċievi u jixtri dar li għandu bżonn għalih u l-familja tiegħu.”
Fil-fatt, permezz ta’ dan, familja li qabel ma setgħetx tixtri proprjetà sa massimu ta’ €185,000, issa se tkun tista’ taċċessa proprjetà li tlaħħaq il-massimu ta’ €203,000.
Il-Ministru Galdes enfasizza li r-rata ta’ 82% ta’ familji, li huma sidien ta’ djarhom, tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jniedi skemi ġodda filwaqt li jsaħħaħ dawk eżistenti.
Il-Ministru spjega kif din l-inizjattiva hi eżempju ieħor ta’ tkabbir sostenibbli u t-twelid ta’ riżorsi ġodda li jfissru soluzzjonijiet aktar affordabbli għas-settur tal-housing.
Qal, “Fi ftit ta’ snin li twaqqfet din il-Fondazzjoni se jkun hemm l-ewwel inizjattiva, hemm oħrajn interessanti li ġejjin u nista’ nassigurak li anke bħala Ministru se nkun qed ngħin u nagħti l-għajnuna u r-riżorsi kollha meħtieġa għal din il-fondazzjoni biex anke hi jkollha rwol importanti f’dan is-suq. Illum qed naraw prodott importanti ta’ traħħis ta’ rata ta’ interess mal-APS, imma wkoll addizzjonali mal-iskemi li diġà għamilna. Għajnuna oħra li qed jagħti dan il-Gvern.”
Indirizzaw din il-konferenza wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-APS, Marcel Cassar, u r-rappreżentant tal-Knisja u membru fil-Fondazzjoni, Michael Pace Ross.