In-numri kulħadd jinterpretahom kif irid u dak li sa ftit snin ilu kien ikun deskritt bħala rebħa elettorali kbira issa hawn min irid jgħid li hu ras imb’ras. ‘Photofinish’ kien hawn min qalilna darba.
Sena qabel l-elezzjoni ġenerali l-Maltatoday ippubblikat stħarriġ minn tagħha u ħafna kkummentaw kemm baqa’ b’saħħtu l-Partit Laburista u iktar minn hekk il-mexxej tiegħu. Oħrajn kellhom interpretazzjoni kemxejn differenti, anke jekk biex waslu għaliha kienu xi ftit kreattivi.
Li laqat l-iktar lili hu kif sena qabel l-elezzjoni ġenerali, wara erba’ snin jieħu d-deċiżjonijiet, Joseph Muscat igawdi l-istess fiduċja fost l-elettorat li kien igawdi madwar sena qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fl-aħħar ta’ Jannar 2012, meta Muscat kellu l-lussu li jkun Kap tal-Oppożizzjoni li wieħed jiġġudikah fuq diskorsu u n-nuqqas tal-avversarju tiegħu, kien igawdi l-istess fiduċja li jgawdi llum. Li jfisser li 48 xahar fit-tmexxija tal-pajjiż ma naqsulu xejn mill-fiduċja fost l-elettorat li b’dan il-mod qed jikkonferma li d-deċiżjonijiet li ħa kienu l-aħjar għall-pajjiż.
Meta wieħed iqabbel stħarriġ ma’ ieħor l-agħar li jmur hu Simon Busuttil, li kull ma jmur qed jibqa’ joħroġ iktar biċ-ċar kemm mhux dejnu li jkun Prim Ministru. Filwaqt li d-distakk bejn Joseph Muscat u Lawrence Gonzi fl-agħar żmien tiegħu (fl-eqqel tal-inkwiet intern u l-kriżi politika) kien ta’ 4.1%, dak bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil hu ta’ 7%.
Dan meta Simon Busuttil suppost jinsab ixxamplat fl-Oppożizzjoni jikkritika u jipproponi filwaqt li jiġbor l-appoġġ. Appoġġ li sa issa għadu ma jidhirx, b’mod partikolari riżultat tan-negattività tiegħu. Il-Partit Laburista wkoll jinsab fl-istess sitwazzjoni tal-2012, sena qabel għamel l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja.
Xi jfisser dan? Ifisser li Joseph Muscat u l-Partit Laburista għadhom b’saħħithom għax qed iwettqu dak li wiegħdu u għax il-poplu jifhem li l-bidla fil-Gvern qed twassal għal riżultati li tagħmel differenza f’ħajjithom. Semmejt fi blogs oħra u mhux se nirrepeti hawn in-numru kbir ta’ miżuri li mill-frott tagħhom gawdew l-eluf.
Sinjifikanti wkoll kif Joseph Muscat u l-Partit Laburista qed jibqgħu l-iktar popolari – b’saħħa kbira – fost is-switchers. Nimmaġina li dawn qed japprezzaw li Muscat ġab is-suċċess u s-serenità li wiegħed. Serenità li qed twassal biex skont l-istess stħarriġ hemm Nazzjonalisti li se jagħżlu lill-Partit Laburista għall-ewwel darba.
Dan ifisser li kollox sew? Ifisser li hemm xi elezzjoni ċerta? Le.
Il-Partit Laburista jibqa’ l-underdog għax fil-pajjiż jibqa’ l-uniku forza li tiġġieled kontra l-establishment u l-istatus quo li żammew tant klikek komdi għal ħafna snin.
Tibqa’ wkoll l-isfida li inġustizzji ta’ 25 sena ma jkunux solvuti f’tebqa t’għajn. Baqa’ xi jsir u baqa’ min għandu jingħata iktar widen. Kull karba trid tinstema’. Fejn ġenwina rridu nidħlu fin-nar biex insolvuha, fejn le nfehmu.
Peró ħaġa waħda hi ċerta; jekk Simon Busuttil, li jħobb il-firda bejn l-aħmar u l-blu, jirbaħ il-Gvern, dawn in-nies isofru inġustizzji ġodda u mhux ġustizzja. Filwaqt li ma tibqax il-garanzija ta’ kontijiet tal-enerġija orħos, miżuri bħal garanzija għaż-żgħażagħ u ekonomija li waslet għal żieda fil-pensjonijiet u diskussjoni biex tiżdied il-paga minima. L-għażla qatt ma kienet daqstant ċara.