Il-gazzetti kollha għajr il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista n-Nazzjon irrapurtaw kemm il-budget imressaq mill-Gvern għas-sena d-dieħla huwa wieħed pożittiv, b’dawn il-gazzetti jużaw titli b’saħħithom fil-faċċati tagħhom biex juru kemm il-budget preżentat it-Tnejn filgħaxija kien wieħed tassew b’ruħ soċjali u anki b’miżuri favur l-ambjent.
“Budget with a social soul” qalet it-Times fil-faċċata tal-gazzetta filwaqt li rrimarkat li dan mhux l-aħħar budget tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
It-Times irrapurtat li dawk li jaqilgħu l-inqas, il-pensjonanti u dawk l-aktar vulnerabbli huma l-aktar li se jibbenefikaw fil-budget għas-sena d-dieħla.
Fl-editorjal it-Times saħqet li l-andament ekonomiku b’saħħtu li Malta għaddejja minnu poġġiet f’pożizzjoni tajba biex il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna seta’ jħabbar lista twila ta’ miżuri biex jgħin il-pensjonanti u dawk li kienu qed isibuha diffiċli biex isiru sidien ta’ proprjetà.
L-editorjal kompla jgħid li l-Budget ħa miżuri favur l-użu ta’ enerġija nadifa u anki qed jinkoraġixxi lin-nies biex jixtru karozzi elettriċi.
Anki l-Malta Independent iddedikat l-faċċata tagħha biex tirrimarka dwar il-budget pożittiv.
B’ittri kbar l-Independent qalet li dan kien l-aktar Budget favur l-ambjent.
Fil-paġni ta’ wara l-Independent tat elenku għal sensiela ta’ miżuri importanti li laqtu fost l-oħrajn b’mod tajjeb il-familji Maltin u Għawdxin.
Bdiet bil-bażi ta’ dan il-Budget li għat-tielet darba mhux idaħħal taxxi jew iżid oħrajn.
Semmiet ukoll iż-żieda ta’ ġurnata oħra leave u anki t-tnaqqis tat-taxxa fuq is-sahra.
L-editorjal tal-Independent ukoll tkellem dwar budget soċjali u ambjentali.
Issemmew il-persuni b’diżabilità li għalihom il-Gvern reġa’ fetaħ idu bil-kbir u anki dwar il-fatt li s-sena d-dieħla l-Gvern se jħabbar data meta pajjiżna jrid ikun ħieles mill-karbonju biex tassew jindirizza l-isfidi fit-tibdil tal-klima.
Anki l-Maltatoday irrimarkat dwar il-miżuri ambizzjużi u magħmula bil-ħsieb mill-Gvern għall-ambjent.
F’ħarġa speċjali l-għada tal-Budget, il-Maltatoday irrapurtat bi prominenza l-għotja ta’ tliet mitt ewro għall-familji għal kull twelid jew adozzjoni filwaqt li semmiet il-bonus li se jagħti l-Gvern biex jagħmel iktar tajjeb għall-prezzijiet essenjali tal-ikel bħal ħobż u l-ħalib.
L-Orizzont iddeskriviet il-budget 2020 bħala l-iktar b’saħħtu mhux biss għax qed iwieżen liż-żgħir iżda anki għaliex dan il-budget żamm numru ta’ miżuri pożittivi li daħħal sena wara l-oħra l-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Anki l-fehma tal-Orizzont qablet mal-gazzetti l-oħra li dan kien budget soċjali u ambjentali fejn semmiet ukoll ħsieb li forsi ma tantx issemma fejn il-Gvern irid jirrijabilita miżbla magħluqa biex flokha jsiru l-fabbriki u faċilitajiet sportivi.