In-nisa m’għandhomx bżonn lil xi ħadd biex jagħtihom vuċi imma l-ispazju biex jinstemgħu’, qalet il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Miriam Dalli.
“Ma għandniex bżonn lil xi ħadd li jagħtina vuċi imma l-ispazju għall-opportunitajiet indaqs biex nuru dak li aħna kapaċi nagħmlu,” qalet Dr Dalli waqt li kienet qed tindirizza seminar għal ġurnalisti organizzati mill-Parlament Ewropew biex jimmarka l-Jum Internazzjonali tal-Mara.
Dalli, l-ewwel mara li nħatret editur tal-aħbarijiet għal stazzjon televiżiv Malti, ħeġġet lill-ġurnalisti u lill-opinjonisti biex jiġġieldu narrativi sesswali: Nisa li jaħdmu flimkien jaħdmu aħjar.
Dalli qalet li ħafna nisa sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn kellhom jaħdmu aktar biex juru li huma kapaċi daqs, u aktar mill-kollegi tagħhom irġiel. Hija kompliet tħeġġeġ l-irġiel biex jipparteċipaw fid-dibattiti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u argumentat li l-irġiel kellhom ikunu parti mill-proċess li jagħti s-setgħa lin-nisa.
Waqt li nnotaw ix-xebħ fl-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa fil-midja u fil-politika, Dalli kompliet tispjega kif il-Partit Laburista daħħal l-inizjattiva LEAD bil-għan li jiżdiedu n-nisa kandidati u r-rappreżentanza femminili fl-elezzjonijiet.
“Fil-bidu kont kontra l-kwoti tal-ugwaljanza bejn is-sessi, madankollu biddilt il-fehma tiegħi – mhux biss għax hemm tipi differenti taʾ miżuri pożittivi – iżda wkoll minħabba li l-bidla mhix ser isseħħ weħidha. Ir-rappreżentazzjoni femminili żgħira taʾ Malta ilha mwaħħla għal madwar 10% mill-1950, meta n-nisa ngħataw id-dritt li jivvotaw,” spjegat Dr Dalli.
“Riċentement irċevejt telefonata fejn gejt mistoqsija għaliex jien ridt biss li n-nisa jmorru għall-elezzjonijiet. Dan mhuwiex dak li rridu. Dak li rrid hija sitwazzjoni fejn għandna biżżejjed nisa u rġiel li jirrappreżentawna fi strutturi politiċi differenti. Din it-telefonata minn raġel ukoll fakkritni dwar l-importanza tal-komunikazzjoni. Għandna nispjegaw għaliex. Għaliex huwa importanti li jkollna bilanċ bejn is-sessi u l-ugwaljanza? Għaliex huwa importanti li jkollna aktar politiċi nisa, edituri nisa u intraprendituri nisa? Fil-politika u fil-midja nirrappreżentaw s-soċjetà diversa u l-ħtiġijiet tagħha. Dik id-diversità għandha tkun irrappreżentata b’mod xieraq. ”
Il-MPE qalet li ladarba n-nisa qegħdin f’pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, il-bniet se jkollhom aktar role models.
“Il-messaġġ li għandna nibagħtu huwa li jekk waħda tirnexxi, anke oħrajn jistgħu jirnexxu. Il-bniet tagħna xi drabi jistaqsu l-kapaċitajiet tagħhom u jistaqsu jekk setgħux ukoll ilaħħqu. Bi ftit ta’ mentoring u kunfidenza fihom infushom, m’hemm xejn li n-nisa ma jistgħux jiksbu.”
Waqt is-seminar tal-ġurnalisti, Dr Dalli ġiet mistoqsija wkoll dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti nisa. Il-MPE qalet li l-ħarsien tal-ġurnalisti mhuwiex dwar ġeneru iżda dwar l-leġiżlazzjonijiet li jipproteġu lill-ġurnalisti filwaqt li fl-istess ħin jagħtu rimedji xierqa lill-individwi esposti għal attakki mhux ġustifikati fuq ir-reputazzjoni tagħhom.
Dalli enfasizzat wkoll ir-rwol tal-UE biex timbotta l-leġiżlazzjoni anti-SLAPP.