Delegazzjoni tal-Partit Laburista żaret il-fabbrika Seamless Ltd f’Kordin fejn setgħet tara eżempju ċar tal-investiment li jagħmlu intrapriżi żgħar u medji fl-aħħar snin.
Għal din iż-żjara attendew il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, u d-Deputati Laburisti Cressida Galea u Alex Muscat.
Fil-fatt, dan in-negozju tal-familja, li ilu jaħdem għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, espanda maż-żmien biex illum il-ġurnata jimpjega sbatax-il ħaddiem.
Sid il-fabbrika, Kenneth Mallia, spjega magħna l-investiment li għamel fin-negozju fl-aħħar snin, kemm fuq il-makkinarju kif ukoll, b’mod speċjali, fuq ir-riżors uman.
Kenneth Mallia qal “Sentejn ilu għamilna investiment ta’ erba’ mija u tmenin elf, fejn bnejna parti mill-fabbrika mill-ġdid u investejna f’makkinarji ġodda. Bħala ħaddiema nistgħu ngħidu li, sa sentejn, tliet snin ilu, kellna bejn disgħa u għaxra – illum qegħdin sbatax-il ruħ.”
Mallia stqarr ukoll li n-negozju tiegħu qiegħed jantiċipa żieda fix-xogħol hekk kif jinsab ukoll għaddej bi proċess ieħor ta’ espansjoni tal-fabbrika eżistenti.
Id-deputat Laburista Alex Muscat innota kif in-negozji żgħar u medji bħal dan huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija hekk kif dawn huma ħafna fin-numru u joffru xogħol ta’ kwalità għall-ħaddiema tagħhom.
Id-Deputat Laburista qalet “Huwa kruċjali li tara li dan it-tip ta’ negozji qed jemmnu fis-suq Malti, għandhom ix-xogħol, saħansitra lesti li jħaddmu aktar nies. Kienet interessanti ħafna li qalilna li, minn żmien għal żmien, minn sena għall-oħra, isaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tiegħu biex il-ħaddiema jibqgħu kuntenti f’dan il-post tax-xogħol. Allura tara l-ekonomija li hija miexja ’l quddiem, anki minn dawn in-negozji żgħar.”
Id-deputat Laburista Cressida Galea sostniet l-importanza li għandha l-manifattura għall-ekonomija Maltija filwaqt li stqarret kif il-ħidma tal-Gvern għandha tkompli tinċentiva l-investiment.
Hija qalet “Settur li huwa varjat, illi jiġġenera t-tkabbir ekonomiku. Jekk inħarsu anki lejn l-elfejn u għoxrin, kien it-tielet l-akbar kontributur għall-ekonomija Maltija. Allura l-ħidma tal-Gvern bla dubju trid tkompli sabiex inkomplu nassiguraw illi dan is-settur jibqa’ kompettiv iżda wkoll ikun hemm investiment, kif sar ukoll f’din il-fabbrika; investiment sabiex ikompli jikber ix-xogħol sabiex ikompli jikber il-ġid ekonomiku għall-pajjiż.”
L-attivitajiet tal-Partit Laburista għal Jum il-Ħaddiem jilħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn, l-Ewwel ta’ Mejju, b’attività kbira għall-familja kollha fil-Belt Valletta. L-attività se jindirizzaha l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.