Hekk kif ftit tal-jiem ilu tħabbar investiment akbar ta’ €700,000, bħala parti mill-iskema għall-wirt artistiku li tipprovdi appoġġ finanzjarju lil-każini tal-banda, il-kmamar tan-nar u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi, ONE News tkellem ma’ wħud minn rappreżentanti tad-diversi għaqdiet li jeżistu fostna.
Anton Aquilina mis-Soċjetà Mużikali Beland taż-Żejtun, Oliver Dalli mis-Soċjetà Filarmonika La Stella fil-Gudja u Owen Zammit mis-Soċjeta Mużikali ta’ Ħad-Dingli, ilkoll enfasizzaw dwar l-importanza ta’ din l-iskema u kemm hi ta’ benefiċċju għalihom biex mhux biss jibqgħu għaddejjin, imma anke wkoll jinvestu fil-ġejjieni tal-istess għaqdiet u tal-membri tagħhom.
Fit-tnedija tal-iskema għal din is-sena, li qed tissaħħaħ b’€200,000 fuq dik preċedenti, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fakkar kif il-festa Maltija għadha kif ġiet rikonoxxuta bħala patrimonju intanġibbli dinji mill-UNESCO, u għalhekk dan jitfa’ aktar piż fuq l-awtoritajiet biex ikomplu jsaħħu dan il-wirt tradizzjonali ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar skema simili, l-għaqdiet kienu bbenefikaw sa massimu ta’ €2,000 kull waħda.
Iżda issa, permezz ta’ din l-iskema estiża, il-każini tal-baned jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €8,000 biex iwettqu proġetti fis-sede tagħhom, waqt li l-kmamar tan-nar u l-assoċjazzjonijiet tal-armar tal-festi se jkunu intitolati sa massimu ta’ €5,000 kull waħda biex ikomplu jiżviluppaw.
Dan qed ikun ta’ spalla oħra għal dawk l-għaqdiet li jridu jkomplu jinvestu, kif spjegaw it-tliet rappreżentanti li tkellmu magħna.
“Bla dubju din l-iskema ta’ €700,000 mingħand il-Gvern ħa tkun ta’ benefiċċju għalina li aħna involuti fil-festi. Għalkemm insibu għajnuna mis-soċi tagħna, qatt mhu biżżejjed; għalhekk din l-għajnuna mingħand il-Gvern se tkun qed tiswina ħafna”.
Oliver Dalli mis-Soċjetà Filarmonika La Stella
“Ma ninsewx li l-każini tal-baned wara l-pandemija ħadu daqsxejn daqqa finanzjarja u skemi bħal dawn qed jgħinu ħafna lill-għaqdiet mużikali u għaqdiet oħrajn li jieħdu sehem fil-festi biex il-festa, li hi wkoll issa l-wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO, tkompli tikber, tissaħħaħ, u t-tradizzjonijiet li għandna ikomplu għaddejjin ’il quddiem”.
Anton Aquilina mis-Soċjetà Mużikali Beland
“Nippjanaw proġetti li kieku mingħajr dawn il-fondi, jew jieħdu s-snin biex isiru, jew inkella ma jsirux essenzjalment. Jiġifieri, permezz ta’ dawn il-fondi, inkunu nistgħu nippjanaw biex ngħollu l-livell tas-servizzi li noffru aħna bħala soċjetà mużikali, fl-isfond, ovvjament tat-tagħlim tal-mużika, fosthom lit-tfal u l-adoloxxenti, u għalhekk dawn il-fondi jistgħu jilħqu l-grassroots tas-soċjetajiet tagħha fil-komunità.”
Owen Zammit mill-Għaqda Mużikali Santa Marija Dingli
Din is-sena l-applikazzjonijiet fl-iskema qed jinqasmu fuq żewġ perjodi, b’tal-ewwel jintlaqgħu sat-2 ta’ April, waqt li t-tieni sejħa tagħlaq fit-8 ta’ Ottubru li ġej.
Ritratt – Sebio Aquilina