Min b’rakkont viżiv, min b’rapport, u min b’preżentazzjoni. Dawn kienu l-modi li bihom studenti minn għadd ta’ skejjel Maltin għażlu li jissieħbu mal-għaqda Young Reporters for the Environement biex iqajmu għarfien akbar biex jonqos l-użu tal-plastik.
YRE Global irrikonoxxiet żewġ proġetti minn Malta, rakkont awdjo-viżiv li nħadem f’kollaborazzjoni ma’ skola fi Spanja, u studju maħsub biex iħeġġeġ aktar persuni jixtru prodotti Fair Trade, li jfisser li jkunu tkabbru u ġew ippakkjati b’mod li jħares l-ambjent.
Tkellimna ma’ Carlo Musco, student tal-Arti Kreattiva fl-MCAST, li spjega li l-ħolma tiegħu kienet li joħloq dokumentarju qasir dwar kif żewġ Gvernijiet differenti qed jindirizzaw il-kwistjoni tal-użu tal-plastik. Huwa spjega li ffoka fuq il-qasam ta’ Turiżmu Sostenibbli billi fassal kollaborazzjoni ma’ kulleġġ fi Spanja. Hawnhekk, qabbel l-inizjattivi tal-Gvernijiet taż-żewġ pajjiżi fil-qasam tal-użu tal-plastik u l-immaniġġjar tal-ilma fost l-oħrajn. Mill-informazzjoni li kiseb miż-żewġ pajjiżi, Musco mbagħad kiteb u pproduċa filmat dwar sfidi li jaffaċċjaw iż-żewġ pajjiżi fl-immaniġġjar tal-iskart.
Dan ma kienx l-uniku mezz kif l-istudenti Maltin għażlu li jwasslu l-messaġġ tagħhom. Marie-Therese Pavia, studenta oħra Maltija, għażlet li bi studju teduka lill-konsumaturi dwar prodotti ferm aktar sostenibbli li jistgħu jsibu fis-suq. Qaltilna li għamlet studju dwar kemm hawn konsumaturi jafu bi prodotti hekk imsejjħa Fair Trade, li skont l-istudju taż-żagħżugħa, hawn Malta m’hawnx ħanfa għarfien dwaru. Mill-istudju hija fasslet filmat qasir biex tħeġġeġ lill-konsumaturi jistaqsu għal prodotti Fair Trade waqt ix-xirjiet tagħhom.
Ma’ Marie-Therese u ma’ Carlo ltqajna waqt laqgħa ta’ diskussjoni li l-istudenti kellhom mal-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera. Audrey Gauci, il-koordinatur Maltija għal Young Reporters for the Environment, spjegat li fost temi oħra li l-istudenti ħadmu fuqhom tul din is-sena hemm ukoll użu tal-boroż tal-plastik għax-xiri, u rivisti mibugħta fid-djar.