Barrani ttieħed l-isptar għall-kura wara li nstab mixħut mal-art f’ġenb tat-triq fil-Mellieħa.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ One.com.mt li għall-ħabta ta’ nofshinar daħlitilhom telefonata rigward dan il-każ, fejn fuq il-post immedjatament waslet ambulanza b’tim mediku li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei.
Kif juri r-ritratt, fuq il-post kien hemm ukoll il-Pulizija tal-Komunità tal-Mellieħa.
Ir-raġel sa issa għadu ma ġiex identifikat, filwaqt li għaddejja investigazzjoni sabiex turi eżatt kif weġġa’ l-vittma u kif spiċċa mixħut mal-art fil-ġenb tat-triq.
Intant, rapporti qed jgħidu kif ir-raġel waqa’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni filwaqt li tħalla fil-ġenb tat-triq mill-imgħallem tiegħu.
Għal dan irreaġixxa l-President ta’ Malta George Vella li saħaq kif “j’Alla l-awtoritajiet isibu minn huwa responsabbli, u ssir ġustizzja. Nawgura li din il-persuna ssib l-fejqan. Min allegatament abbandunah b’dan il-mod krudili, għandu jħallas ta’ għemilu.”
Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li “l-ebda ħaddiem ma għandu jkun trattat b’dan il-mod u dan huwa suġġett li rridu nitkellmu u naħdmu fuqu aktar.” Filwaqt li awguralu fejqan ta’ malajr, il-Ministru Camilleri talab biex min hu responsabbli għal dan ibati l-konsegwenzi.
B’reazzjoni għal dan l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema kkundannat bil-qawwi dan il-każ, fejn saħqet li dan l-att huwa wieħed inaċċetabbli.
Irreaġixxew ukoll il-Kamra tal-Kummerċ Maltija u l-General Workers Union, fejn it-tnejn li huma kkundannaw bla ebda riservi dan il-każ.
Ritratti: Caroline Galea