Rapport fil-ġurnal Russu Znak jgħid li l-Gvern Russu qiegħed jitlob lill-uffiċjali u ħaddiema tal-Gvern jieħdu lill-uliedhom lura lejn ir-Russja b’mod immedjat, jekk dawn qed jistudjaw x’imkien barra mill-pajjiż.
Anke jekk dan ifisser li jwaqqfu l-programm edukattiv tagħhom ħesrem u ma jkomplux sal-aħħar tas-sena skolastika.
L-artiklu jżid jgħid li jekk il-ġenituri ta’ dan it-tfal jgħixu barra wkoll, għandhom imorru lura. Din ma tapplikax biss għat-tfal iżda għall-istaff amministrattiv, u uffiċjali ta’ kull livell fis-settur pubbliku. Skont Znac, kull min ma jobdix dawn l-istruzzjonijiet, ikun qiegħed ixekkel il-karriera tiegħu fis-settur.
Vladimir Putin għadu kemm ħassar ħesrem żjara fi Franza, wara insistenza tal-President Franċiż li ż-żewġ mexxejja jiddiskutu s-sitwazzjoni fis-Sirja bħala priorità fl-agenda.
Hemm ħafna spekulazzjonijiet dwar dawn il-mossi, fosthom min iqabbilhom ma’ għemil ir-Russja fi żmien il-Gwerra l-Bierda.
Intant attentati biex inkellmu lir-Russian Boarding School Malta irriżultaw inutli dalgħodu.