Dak li qed jissejjaħ il-‘middleman’ fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jidher li kien arrestat f’operazzjoni li kellha fil-mira tagħha ċirku ta’ ħasil ta’ flus. Issa, qed tirrapporta t-Times of Malta, li dan qed jitlob maħfra presidenzjali biex jgħid min kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Caruana Galizia. Qtil li akkużati li wettquh diġà hemm tliet persuni l-Qorti.
Jirriżulta li li-operazzjoni tal-aħħar jiem saret fil-preżenza ta’ esperti tal-Europol u r-rapporti ppubblikati dalgħodu ikomplu jgħidu li l-pulizija kienet għaddejja b’investigazzjonijiet li kellhom l-għan ukoll li s-suspettat jikkollabora dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Però jirriżulta li biex jagħmel dan l-akkużat qed jitlob li jkollu maħfra presidenzjali li skont dak ippubblikat jidher li kienet qed tkun innegozjata.
Akkużati l-Qorti bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hemm l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat. It-tlieta persuni b’rekord kriminali u involuti f’każijiet fl-imgħoddi. L-akkużati, speċjalment l-aħwa Degiorgio, qed jiġġieldu b’kull mod il-każ il-Qorti. Huma kienu arrestati wara ħidma qawwija tal-forzi tas-sigurtà ta’ pajjiżna bl-għajnuna ta’ esperti internazzjonali, fosthom mill-FBI.