Qed ikun irrapportat li Bernard Grech beda l-proċess biex jaħtar ix-Shadow Cabinet tiegħu. Dan hekk kif beda jilqa’ lid-deputati tiegħu wieħed wieħed fid-Dar Ċentrali sabiex ikellimhom dwar portafolli li mistenni jibda jqassam. Dan propju fil-ħin fejn Adrian Delia kien mhedi l-Qorti f’seduta li fetaħ hu stess dwar it-tliet sptarijiet. Opinjonisti politiċi qed jaraw il-ħin magħżul biex jagħmel il-laqgħa bħala wieħed intenzjonat sabiex Adrian Delia ma jkunx jista’ jattendi għal din il-laqgħa.
Dan anki fl-isfond li fix-xhur li għaddew, Adrian Delia m’aċċettax li jkun kelliem għall-qasam partikolari fix-shadow cabinet ta’ Bernard Grech.
Kien irrappurtat ukoll li għal dawn il-laqgħat qed ikun hemm preżenti Ray Bezzina, li huwa esponent ewlieni tal-eks-kap Nazzjonalista Simon Busuttil u tal-għaqda Repubblika.
Huwa mifhum li seta’ kien hemm diżgwid fejn fost l-oħrajn ċertu deputati ngħataw aħbar li ma tantx daqqitilhom.
Fosthom qed jingħad li d-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia telqet il-barra f’nofs laqgħa, filwaqt li jista’ jagħti l-każ li Bernard Grech ser ikun qed ineżża’ lil Stephen Spiteri mill-portafoll tas-saħħa sabiex dan itih lid-deputat qrib l-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, Claudio Grech.
L-aħbar li Bernard Grech, iktar minn mitt jum wara l-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, beda l-proċess biex jaħtar ix-Shadow Cabinet tiegħu ġiet biss tlett ijiem wara li waqt intervista ma’ Reno Bugeja saħaq li m’għandux għalfejn jaħtar Shadow Cabinet ġdid.