Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf aħjar bħala L-‘Lilu King’, ġie arrestat, skont rapporti fil-midja lokali, allegatament minħabba ġlieda li fiha jingħad li sawwat Malti f’Paceville.
Elmushraty, diġà hu mixli f’każ separat, fost l-oħrajn, dwar traffikar tad-droga u kien fuq libertà proviżorja wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest.
Skont ir-rapporti, l-aħħar każ eskala meta Elmushraty ħabat f’vettura oħra u nqalgħet kommossjoni mal-Malti.
‘Lilu King’ mistenni jerġa’ jitressaq fil-Qorti fil-ġranet li ġejjin.
Lura fl-2016, Elmushraty, li hu boxer, kien involut f’attentat ta’ qtil ta’ tliet bouncers, li attakkahom b’xabla tas-samurai. Wara dak l-inċident, hu kien ħarab mill-pajjiż, iżda rritorna u ġie arrestat b’rabta ma’ serqa armata.
Fl-istess sena hu ġie arrestat fl-Ajruport, hekk kif wasal minn Tuneż, u fil-pussess tiegħu nstabu 30 kilo tabakk li hu pprova jdaħħal illegalment.
Is-sena ta’ wara, flimkien ma’ raġel ieħor, ġie mixli li weġġa’ gravi żewġt irġiel f’Paceville, għal darb’oħra b’xabla tas-samurai.
Hu qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, evażjoni ta’ taxxa, traffikar tad-droga u kriminalità organizzata.
Is-sena li għaddiet, Elmushraty kien akkużat ukoll li kkawża ġrieħi gravi lil raġel ieħor. Dan filwaqt li, f’Ġunju ta’ din is-sena, ammetta li kkawża ġrieħi lil xi uffiċjali tal-Pulizija, waqt logħba boxing, fejn kien involut atleta li kien qed iħarreġ hu.