Rapporti fil-midja lokali qed jgħidu li ġiet konkluża l-inkjesta dwar il-kumpanija 17 black.
L-istess rapporti qed jgħidu li l-Inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Galea ikkonkludiet li Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mario Pullicino għandhom jiġu akkużati b’rabta ma’ dan il-każ.
Ingħad ukoll li l-inkjesta ġiet ippreżentata lill-Avukat Ġenerali matul il-ġimgħa li għaddiet.
Intant, il-Partit Laburista nnota din l-aħbar, fejn spjega li l-proċeduri legali għandhom jitħallew jieħdu l-perkors tagħhom.
Hawn, il-Partit Laburista nnota kif fi stqarrija mqanżħa, il-PN pprova jagħti l-impressjoni li hemm involuti persuni li bħalissa huma attivi, jew fil-qalba, tal-Partit Laburista jew fil-Gvern Laburista.
Il-Partit Laburista sejjaħ dawn bħala gidba, mhu veru xejn, foloz u ġejjin minn imkien ma jirriżulta dan.
L-istqarrija kompliet tgħid lill-politika tal-Gvern fis-settur waslet għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija b’gass nadif, tat l-orħos kontijiet tad-dawl lill-poplu Malti u Ghawdxi anke waqt kriżi internazzjonali tal-enerġija, arja aktar nadifa, u garanzija ta’ provvista ta’ elettriku.
L-istqarrija temmet tinnota kemm il-PN baqa’ nostalġiku għall-power station li kienet tħammeġ bil-heavy fuel oil fejn l-istejjer daqstant ieħor mhux nodfa tal-BWSC jiftakarhom kulħadd, li kienet tniġġeż u tmarrad lin-nies u kif il-kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma, taħt il-PN fil-Gvern kissru lill-familji u n-negozji.