Rapporti fil-midja qegħdin isostnu li minn telefonati rrekordjati fl-aħħar sena bejn in-negozjant Yorgen Fenech u l-middleman Melvin Theuma ħareġ li Fenech ħallas €450,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dawn it-telefonati qegħdin għand il-pulizija wara li s-servizzi tas-sigurtà kienu ilhom sena jittappjaw it-telefonati bejn Fenech u Theuma b’dan tal-aħħar ingħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid il-verità kollha dwar dan il-qtil.
Sorsi qrib l-investigazzjoni li tkellmu mal-gazzetta Malta Today qalu li t-telefonati allegatament juru li Fenech ħallas erba mija u ħamsin elf ewro lill-aħwa Alfred u George Degiorgio u lil Vince Muscat biex joqtlu lil Caruana Galizia.
Il-pulizija qiegħda teżamina wkoll konverżazzjonijiet li Theuma kellu ma’ Fenech u li ġew irrekordjati b’mod sigriet minn Theuma fuq il-mobile tiegħu.
Uħud minn dawn ir-recordings ittieħdu minn Theuma meta x-xufier tat-taxi kien iku qiegħed jitkellem ma’ Fenech dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, b’mod speċiku meta l-qrati kienu qegħdin jirrifjutaw li jagħtu l-ħelsien mill-arrest lit-tliet akkużati mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galiza.
Żied jingħad li minn dawn it-telefonati rrekordjati bejn Fenech u Theuma ma jissemma ebda isem ieħor.
Il-gazzetta Illum irrappurtat li isem l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ma ssemmiex f’dawn it-telefonati.
Il-Malta Today irrapportat ukoll lis-servizzi tas-sigurtà qalu lill-Prim Ministru sabiex il-Gvern jibqa’ jżomm kuntatt normali u relazzjoni ta’ “business as usual” ma’ Yorgen Fenech f’din l-aħħar sena sabiex ma jallarmahx ruħu li qed jitqies bħala suspettat.
Intant, wara li ġie arrestat għar-raba darba f’ġimgħa Fenech ma jridx li l-Kap tal-Iskwadra tal-omiċidji l-ispettur Keith Arnaud jibqa’ jinvestiga l-każ.
Fenech ħareġ jagħmel allegazzjonijiet fuq l-ispettur Arnaud u martu, dwar l-impjieg tagħha.
Allegazzjonijiet li ġew miċħuda minn Infrastruttura Malta li fi stqarrija qalet li l-mart l-Ispettur Arnaud bdiet taħdem bħala segretarja mal-aġenzija wara li ġiet segwita l-proċedura normali ta’ Jobsplus.
Qalet li għall-impjieg applikaw tlieta u ħamsin ruħ iżda kienu biss tnejn li wieġbu għas-sejħa pubblika. Qalet li t-tnejn li huma qagħdu b’suċċess għal intervista u kienu offruti l-impjieg. Minkejja dan kienet biss persuna waħda li aċċettat l-impjieg.
L-ispettur Keith Arnaud ilu jinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia minn Ottubru tal-2017 bl-eżekuttiri f’dan id-delitt jitressqu l-qorti fi żmien 50 jum/s.