Filwaqt li d-Dar tal-Anzjani f’Bormla m’għandhiex l-istandards meħtieġa biex l-anzjani residenti jgħixu ħajja dinjituża jirriżulta, minn rapporti tal-esperti li ġew ippreżentati fil-Parlament, li n-nuqqas ta’ manutenzjoni regolari maż-żmien wassal għal telqa kbira.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd li tat ħarsa lejn dawn ir-rapporti, li minnhom jirriżulta li l-kuntratt għaż-żamma ta’ din id-dar ġie ffirmat minn gvern Nazzjonalista.
Dan jistipula li r-responsabbiltà tal-manutenzjoni ta’ kuljum kienet tal-kumpanija privata Care Malta, iżda l-mod kif dan il-ftehim inkiteb kien vag ħafna u ħoloq interpretazzjonijiet varji.
Dan kellu l-konsegwenza li d-dar waqgħet fi stat ta’ telqa kbira, kif ġibdet l-attenzjoni l-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, f’rapport li ħarġet f’Diċembru li għadda.
Dan ir-rapport jirrimarka b’mod ċar dwar “in-neċessità li tittieħed deċiżjoni għal terminu twil ta’ żmien dwar l-istruttura tal-binja”.
Rapporti oħrajn preċedenti dwar l-istruttura jixhdu li, minħabba li ma kinitx qed issir manutenzjoni regolari, uħud mill-kampjuni tal-konkos li ttieħdu lanqas biss setgħu jiġu ttestjati, għax tmermru.
Minn wieħed minn żewġ rapporti li saru joħroġ li l-kumpanija Terracore Ltd, li kienet intalbet tagħmel it-testijiet fl-2021, elevat sitt kampjuni. Madankollu, tnejn minnhom tant kienu dgħajfa li tfarrku mill-ewwel u l-evalwazzjoni ma setgħetx issir. Dan filwaqt li, f’erbgħa oħrajn, ħareġ li l-konkos ma kienx ta’ livell aċċettabbli.
Jirriżulta li meta bdiet tiġi installata sistema ta’ emerġenza għal kontra n-nirien u twaħħal apparat ġdid mas-soqfa, bdew neżlin biċċiet sħaħ tal-konkos. Fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ standards imissu ma’ ħafna mill-affarijiet bażiċi li hemm f’din id-dar, fosthom lifts, sistemi tal-ilma, arja kundizzjonata, dik ta’ allarm f’każ ta’ nirien, problemi fil-kmamar tal-banju, u faċilitajiet sanitarji, fil-kċina u anke fil-laundry.
L-Awtorità tinnota wkoll li l-kmamar tal-banju żgħar wisq u mhux skont l-istandards tal-lum, il-kċina trid tinqala’ kompletament, il-lifts antiki, l-arja kundizzjonata dejjem bil-ħsara, il-boilers jitħaddmu bid-diesel, il-kanen antiki tal-ilma bdew jagħmlu minn kullimkien, u l-generator jaħdem parzjalment, mingħajr sistema biex jaqleb waħdu f’każ ta’ bżonn.
It-titjib estensiv, li jeħtieġ li jsir f’din id-Dar joħroġ ukoll minn wegħda elettorali fil-manifest tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’, flimkien ma’ residenzi oħrajn għall-kura tal-anzjani, fosthom dawk taż-Żejtun, tal-Furjana, u ta’ Zammit Clapp.