Rapport fil-midja internazzjonali qed jirrapportaw kif bosta pajjiżi kbar u ewlenin Ewropej qed jaraw li jispiċċaw is-sena bl-ekonomiji rispettivi tagħhom li mhux jikbru kif jixraq, anzi qed jagħmlu dan b’mod minimu jew saħansitra qed jiċkienu.
Dan kompletament bil-maqlub ta’ dak li qed tesperjenza Malta.
Fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, qed ikun imbassar li din is-sena, l-ekonomija se tikber biss b’rata ta’ inqas minn wieħed fil-mija.
L-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali Taljan hu inqas minn dak li sar preċedentement aktar kmieni din is-sena. Wara xhur ta’ staġnar, l-ekonomija fir-Renju Unit ukoll kibret b’mod minimu b’0.2% fix-xahar ta’ Awwissu. Sadanittant, is-sit internazzjonali Reuters irrapporta kif l-ekonomija Ġermaniża, meqjusa fost l-akbar li jeżistu fl-Unjoni Ewropea, se tkun saħansitra qed tonqos b’0.2% din is-sena. Aktar kmieni din is-sena, kien imbassar li din kellha tikber b’0.3%.
Hawnhekk is-sitwazzjoni hi ferm differenti għall-ekonomija Maltija, kif qalu wkoll l-esperti tal-aġenzija internazzjonali DBRS fl-aħħar jiem fejn fl-aħħar rapport tagħhom qalu li, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’6%. Id-DBRS ukoll qalet kif l-ekonomija Maltija se tibqa’ tikber ferm aktar mill-bqija tal-pajjiżi Ewropej.
Ir-reżiljenza fl-ekonomija Maltija, li baqgħet tikber b’mod b’saħħtu, ġejja b’mod partikolari mis-sostenn tas-sussidji tal-Gvern Malti, li għal dawn l-aħħar snin ipproteġew l-impjiegi u anke laqgħu għad-daqqiet fil-kriżi tal-enerġija, biex bqajna ngawdu minn prezzijiet tal-elettriku, il-gass u l-fuels stabbli mingħajr ma għolew ċenteżmu wieħed.
Xi ħaġa li l-ebda pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea m’għamel.