Rapporti fil-midja internazzjonali, li rreferew għaż-żjara attwali ta’ Mel Gibson f’pajjiżna, qalu li ċ-ċelebrità ta’ Hollywood, li jinsab akkumpanjat minn 11-il persuna fit-tim tal-produzzjoni tiegħu, ukoll qed jeploraw postijiet fejn jistgħu jinġibdu xeni għas-sequel tal-film famuż tiegħu ‘The Passion of the Christ’, li ħareġ 20 sena ilu.
It-tieni film Bibbliku taħt id-direzzjoni tal-istess Gibson, li aktarx ikun jismu ‘The Passion of the Christ: Resurrection’, mistenni joħroġ għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira s-sena d-dieħla.
Waqt iż-żjara tiegħu fostna, Gibson baqa’ impressjonat b’postijiet li żar, fosthom il-Belt, l-Imdina, il-Birgu u numru ta’ fortifikazzjonijiet, u anke wera l-interess tiegħu li jipproduċi film dwar l-istorja ta’ pajjiżna, partikolarment fi żmien il-ħakma tal-Kavallieri.
Jirriżulta li, għall-film il-ġdid tal-passjoni ta’ Kristu, Gibson kiteb żewġ scripts, għalkemm mhux magħruf liema wieħed se juża.
Fl-2004, ‘The Passion of the Christ’, li kellu baġit ta’ US$30 miljun, kien suċċess kbir fil-box office bi dħul li jaqbeż is-US$600 miljun, anke jekk il-kritika kienet vasta ħafna.
AQRA AKTAR: