L-aktar ekonomija li qed tikber fl-Ewropa, ċittadinanza wara investiment dirett, is-settur tal-avjazzjoni u l-marittimu, u ħajja privata lussuża. Dawn huma l-erba’ raġunijiet ewlenin li, permezz tagħhom, pajjiżna qed iqanqal l-interess fost is-sinjuruni u anke jattira numru minnhom.
Skont is-sit endevio.org, li analizza r-raġunijiet għaliex Malta qed tattira numru kbir ta’ persuni li għandhom ġid, li jaqbeż il-$50 miljun, hu l-pass b’saħħtu ta’ tkabbir fl-aħħar snin, inkluż fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali.
Ir-raġuni ewlenija skont dan is-sit tinsab fil-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tisħaq li pajjiżna għandu l-aktar eknomija li qed tikber fl-Ewropa kollha.
L-istess sit jagħmel referenza għal rapporti bħal dak ta’ Fitch Ratings li jagħtu klassifikazzjoni mill-aqwa lill-ekonomija Maltija u li fihom jingħad kif anke d-dejn mistenni jistabbilizza wara l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq l-finanzi.
Endevio.org jisħaq li l-iskemi b’saħħithom li, bihom, persuna tista’ tikseb ċittadinanza f’pajjiżna wkoll, wara investimenti dirett fl-ekonomija lokali u donazzjoni ta’ mhux inqas minn €10,000 lil xi organizzazzjoni mhux governattiva rreġistrata hawn, qed jagħmlu d-differenza fir-raġunijiet għalxiex dawk meqjusin sinjuri ħafna qed jagħżlu lil pajjiżna.
Ir-reġistri b’saħħithom fl-avjazzjoni u tal-bastimenti li joffri pajjiżna wkoll huma raġuni ewlenija, li din il-faxxa ta’ persuni minn madwar id-dinja qed jagħżlu lil pajjiżna. Dan apparti ħajja privata ta’ lussu li kapaċi joffru l-gżejjer tagħna, siti fil-lista tal-UNESCO, ekonomija avvanzata u l-ħajja Mediterranja mill-isbaħ.
Bil-maqlub ta’ pajjiżna, siti u gazzetti internazzjonali qed jirrapportaw problemi li qed jiffaċċjaw pajjiżi, bħar-Renju Unit, fejn aktar persuni li jħaddnu ġid sostanzjali qed jagħżlu li jitilqu minn hemm.
Dan partikolarment minħabba s-sistema ta’ tassazzjoni li mistennija tiġi emendata fiż-żmien li ġej mill-Gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru Keir Starmer wara li wkoll kienet proposta tal-Gvern preċedenti Konservattiv ta’ Rishi Sunak.
Il-bidla fis-sistema ta’ tassazzjoni se tara li individwi sinjuri jibdew iħallsu t-taxxa anke fuq dħul li jdaħħlu minn barra l-pajjiż.
Fil-fatt, is-sit Gulf Today innota li hekk kif il-Gvern fl-Ingilterra qed igerrex numru ta’ familji meqjusin sinjuri b’dawn il-bidliet fis-sistema ta’ tassazzjoni, dawn l-istess familiji qed ifittxu pajjiżi bħar-Repubblika Irlandiża, Malta u l-Portugall, b’reġimi ta’ tassazzjoni li huma aktar favorevoli.
Minbarra hekk, il-Financial Times, b’differenza għas-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna, innotat kif il-Gvern Britanniku, partikolarment permezz tal-Ministru tal-Finanzi Rachel Reeves, diġà bdew jippreparaw lill-pubbliku għal baġit iebes fil-ħarifa li ġej, li jinkludi wkoll żidiet fit-taxxi.
Dan anke hekk kif l-istess Reeves ġiet ikkwotata tgħid mill-BBC li l-pajjiż għandu servizz pubbliku għarkupptejh u dejn, li jammonta daqs l-ekonomija sħiħa tal-pajjiż, jiġifieri mal-ħamsin biljun Sterlina.